Lokali

“Farsa oħra fil-PBS” – jinħatar Chairperson Eżekuttiv u jiġu konfermati €30 miljun għall-PBS

Mark Sammut jieħu f'idejh il-Public Broadcasting Services

Illum tħabbar illi ġie ffirmat ftehim għall-ħames snin li ġejjin li permezz tiegħu l-Gvern qed jikkommetti kważi €30 miljun bħala parti mill-Public Service Obligation (PSO).  

Sar magħruf ukoll li se jinħatar chairperson eżekuttiv. Dan se jkun Mark Sammut, li għandu esperjenza fl-immaniġġjar, process reengineering u l-implimentazzjoni. Għalhekk, ir-rwol attwali ta’ Kap Eżekuttiv se jiġi emendat ħalli jkun jirrifletti din il-bidla. 

Nies fis-settur, u li kkummentaw ma’ Net News, iddeskrivew dawn il-manuvri bħala “farsa”. Tkellmu magħna anke ħaddiema tal-PBS illi rrimirkaw kif iċ-chairperson il-ġdid ftit jidher li għandu esperjenza fil-media.

Mark Sammut mhux isem ġdid, hekk kif fl-aħħar snin ismu feġġ f’diversi stejjer li rrappurtaw dwarhom kmamar ta’ aħbarijiet differenti. Fosthom rapporti dwar direct order ta’ xejn anqas minn €100,000 li kien ingħata mill-Awtorità tal-Artijiet biex ikun konsulent ta’ James Piscopo – eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Fi stqarrija intqal li Charles Dalli se jkun Chief Operations Officer inkarigat mir-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Internalizazzjoni.