Lokali Qorti

“Inaċċettabbli li l-avukati jiġu ttrattati b’mod differenti” – Il-Kamra tal-Avukati

Fi stqarrija l-Kamra tal-Avukati nnotat rapporti fil-midja li qalu li l-persunal kollu tal-qorti għandu jkun skedat għat-tilqim COVID-19, wara pressjoni eżerċitata mill-UHM.

Iktar minn tliet ġimgħat ilu l-Kamra tal-Avukati ġabret lista ta’ avukati li jaħdmu fil-qorti u li għalhekk huma esposti eżattament għall-istess riskji li huma esposti għalihom il-persunal tal-qorti.

Il-Kamra talbet lill-Ministru tal-Ġustizzja u lill-Prof. Charmaine Gauci, biex dawk il-membri inklużi fil-lista jiġu ttrattati b’mod li huwa ekwivalenti għall-persunal tal-qorti u għall-membri tal-ġudikatura.

Kelliem għall-Kamra qal “Huwa inaċċettabbli li l-membri tal-professjoni legali, li huma esposti għall-istess, jekk mhux riskji ogħla minn dawk tal-persunal tal-qorti, jiġu ttrattati b’mod differenti.”

Sadanittant, il-Kamra tafferma mill-ġdid id-direttiva tagħha lill-avukati kollha maħruġa fil-11 ta’ Marzu 2021, u li għalhekk direttiva bħal din tibqa’ fis-seħħ sakemm il-Kamra tirċievi risposta pożittiva mill-Ministru għat-talba tagħha biex l-avukati jiġu skedati għal tilqim simultanjament ma’ partijiet interessati oħra li jaħdmu fil-qorti.