Għada għal Jum Dinji dwar l-Awtiżmu, il-Fondazzjoni Inspire se tkun qed tniedi kampanja bl-isem ta’ ‘What Autism Has Taught Me’ biex iqajmu iktar għarfien dwar l-awtiżmu fost il-pubbliku.
Il-kampanja se tibqa’ għaddejja matul ix-xahar kollu ta’ April fejn se tkun qed tingħata informazzjoni dwar l-Awtiżmu minn perspettivi differenti – dik tal-individwi fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, il-ġenituri ta’ tfal fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, u l-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam. Din l-informazzjoni se tkun pubblikata fuq il-pjattaformi diġitali tal-Fondazzjoni, u permezz tal-media lokali. Il-Fondazzjoni qed taħdem ukoll ma’ kumpaniji privati, sabiex toffri għarfien u gwida dwar kif min iħaddem jista’ joffri post tax-xogħol inklussiv u joffri appoġġ lill-adulti fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu.
Fil-preżent, il-Fondazzjoni Inspire tipprovdi appoġġ lil 155 persuna fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu. Permezz ta’ tim ta’ professjonisti differenti, il-Fondazzjoni tindirizza l-ħtiġijiet edukattivi, terapewtiċi, soċjali u rikreattivi ta’ persuni b’diżabilità, b’enfasi fuq il-kapaċità, il-potenzjal u l-indipendenza tagħhom.
Madwar id-dinja huwa stmat li wieħed minn kull 54 tifel u tifla jinsabu fuq il-firxa wiesgħa ta’ Awtiżmu. Din hija kundizzjoni komplessa li toħloq sfidi fl-interazzjoni soċjali, id-diskors, il-kommunikazzjoni u l-mġieba, li jimmanifestaw b’mod aktar ampju f’ambjenti li jkunu inaċċessibbli. L-effetti u s-severità tas-sintomi huma differenti minn persuna għal oħra.
//= $special ?>

