Festi Knisja Kultura Lokali

“Ma nistgħux nerġgħu nagħmlu Għid bħal dan” – Mons. Scicluna

"Kienet kiefra wisq li ma ltqajniex f'dawn il-jiem tal-Għid fil-Knejjes tagħna"

“Ma nistgħux inħalltu il-knejjes tagħna tas-supermarkets. Il-Mulej sejħilna biex illum niltaqgħu flimkien, iżda ġejna imċaħħda.”

Dikjarazzjoni iebsa li saret illejla minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna waqt l-omelija li saret fil-quddiesa tal-Ħamis ix-Xirka.

Mons. Scicluna fakkar li l-knejjes se jibqgħu miftuħa; “għax dan hu ħobż li ma jinxtarax mis-supermarket”.

“Qed navża lil min hu responsabbli biex ma nerġgħux nagħmlu Għid bħal dan”, bl-Arċisqof jinsisti li dan kien “nuqqas ta’ għaqal”.

Mons. Scicluna insista li hu, jispera, li din tkun “l-aħħar qadfa”. U stqarr illi hu obbligu ta’ kull nisrani li jieħu t-tilqima. “Min ma jieħux il-vaċċin qed jipperikola lil ħaddieħor”

L-Arċisqof uża din l-okkażjoni biex isellem lill-frontliners.

Aktar kmieni dalgħodu

“Bagħtni ndewwi l-qalb miksura” – Kien b’dan il-kliem ta’ Iżaija li l-Arċisqof Charles Scicluna għażel li jsawwar l-omelija tiegħu fil-Konċelebrazzjoni tat-Tberik taż-Żjut f’Ħamis ix-Xirka mill-Katidral Metropolitan tal-Imdina.

Wara ċ-ċerimonja taz-zjut, filgħaxija saret it-tifkira tat-twaqqif tal-Ewkaristija, biex mill-Velja tal-Għid is-saċerdot joffri l-ewkaristija lill-fidili wara s-sawma ta’ 40 jum.

Fil-kuntest tal-pandemija li laqtet it-tieni Għid, l-Arċisqof appella biex is-saċerdoti jkunu preżenza ta’ fejqan, bħalma ż-żjut tal-katekumeni jsaħħu lil ħutna fil-bżonn, għaliex bl-inkarnazzjoni, Ġesù ma stmerrx jiċċappas mal-bniedem, anzi ġie bħala tabib biex ifejjaq lill-marid:

‘Ħu paċenzja bik innifsek, tiskandalizzax bid-dgħufija tiegħek, bil-waqghat tiegħek.’ Bħalma jgħid il-Papa Franġisku fl-ittra straordnarja Patris Corde, fejn jgħid li “aħna għandna bżonn inħarsu anke lejn il-fraġilità tagħna b’tenerezza, bi ħlewwa” għax hekk ikollna wkoll il-qawwa, l-umiltà u l-kuraġġ inħarsu b’tenerezza lejn il-fraġilità ta’ tant nies li Alla jlaqqagħna magħhom.

There is a crack, there is a crack in everything. Kull bieqja ta’ kull bniedem, ta’ kull persuna hija mxellfa. That’s how the light gets in. X’inhu dan id-dawl? Dan id-dawl huwa l-ħniena tal-Mulej li tgħaddi minn dawk ix-xquq tal-ħajja tiegħi, tal-bieqja tiegħi.”

L-Arċisqof appella biex l-poplu jiltaqa’ ma jdumx fil-knejjes iżda għalissa, din iċ-ċaħda minn xulxin hija meħtieġa għas-saħħa tal-istess poplu u għalhekk l-importanza taż-żjut imbierka li jwasslu għall-fejqan u r-rikonċiljazzjoni tant meħtieġa.

Aħna nersqu lejn il-Mulej li llum irid itaffi l-mard tagħna, id-dwejjaq tagħna, irid idewwi l-qalb miksura tal-poplu tagħna. Imma aħna nersqu lejh bħala nies li għandna bżonn l-imħabba; nersqu lejh bil-għatx kollu li hemm fina f’ruħna, fil-psike tagħna, u f’ġisimna għall-imħabba. Versi oħra snieħ mill-innu ta’ Leonard Cohen jgħidu hekk: Every heart, every heart to love willcome, but like a refugee. Aħna nixxenqu għall-imħabba tal-Mulej imma aħna refuġjati; għaddejna mid-deżert tal-umiljazzjoni, tat-tfixkil, tal-kontradizzjonijiet u qed nixxenqu għall-imħabba tal-Mulej li tfejjaq.”

Wara l-omelija f’din l-unika quddiesa li ssir f’Ħamis ix-Xirka fid-djoċesi, sar it-tiġdid tal-wegħdiet saċerdotali f’dan il-jum tat-twaqqif tal-Ewkaristija u l-funzjoni segwiet bit-tberik taż-żjut tal-katekumeni li jindilku bihom fis-Sagramenti tal-Magħmudija, Griżma tal-Isqof u l-Grizma tal-Morda fost l-oħrajn.

Filgħaxija fl-istess Katidral, fi tmiem il-quddiesa tal-Aħħar Ikla tal-Mulej, l-Arċisqof mexxa t-tranżlazzjoni tas-Sagrament lejn is-Sepulkru u kompla bl-adorazzjoni Ewkaristiku. Tradizzjonalment, f’din ic-cerimonja isir il-ħasil tar-riġlejn ta’ 12-il appostlu – ħasil li għal dis-sena, minħabba l-pandemija, ma setax isir.

Dan il-lejl qaddis huwa abbinat ukoll mas-7 Viżti, li fihom il-Maltin jerħulha minn Knisja għal oħra jżuru l-Ġesù Sagramentat fis-Sepulkru biex jressqu t-talb tagħhom – talb li din is-sena jrid isir b’mod privat bil-ħarsien tal-miżuri kontra l-imxija tal-COVID-19.

Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti