Malti li hu parti minn grupp ta’ ħames qaddiefa jinsab nofs triq fir-rotta tieghu biex possibilment jikser rekord dinji tal-iqsar vjaġġ mill-Portugall lejn l-Amerika t’Isfel, u fl-istess waqt jiġbor flus biex jgħin lil Hospice Malta.
Dan il-vjaġġ fl-Oċean Atlantiku, kapaċi jieħu 60 ġurnata, iżda huma qed jittamaw li jagħmluh f’45 jum.
Steve Chetcuti u t-team tiegħu qed jużaw waħda mill-aħjar dgħajjes …inkluż għas-sigurta tagħhom. Huma qed jaqdfu u jaffacjaw uħud mill-agħar kundizzjonijiet li wieħed jista’ jsib fuq il-baħar.
Kull qaddief qed jikkonsma sa 6,000 kalorija kuljum biex jassigura li kull persuna ma titlifx wisq piż matul dawn il-ġimgħat.
B’dan il-vjaġġ, Chetcuti qed ifakkar ukoll il-memorja ta’ ħuh Mike li tilef il-battalja mal-kanċer, b’Hospice Malta tkun dik l-organizzazjoni li tant għenitu fl-aħħar xhur ta’ ħajtu.
Matul dan il-vjaġġ, li jinkludi sagħtejn ta’ qdief u sagħtejn ta’ mistrieħ, it-team qed jaffacja mewġ qawwi li kapaċi jlaħħaq għoli ta’ 10 metri. Il-qaddiefa qed isofru wkoll numru ta’ feriti f’idejhom u saqajhom iżda dan xejn mhu jnaqqas mid-determinazzjoni tagħhom li jaqsmu l-Oċean Atlantiku.

