Lokali Qorti

L-estradizzjoni ta’ Adrian Hillman tista’ tieħu diversi ġimgħat

Minkejja li fl-aħħar sigħat, meta mistoqsi minn Net News dwar Adrian Hillman, il-Korp tal-Pulizija qal li ma jistax jagħti dettalji dwar l-identità ta’ xi ħadd arrestat fuq suspett raġonevoli li jkun għamel xi reat jew li se jiġi akkużat quddiem il-qrati. Fl-aħħar sigħat ħarġu rapporti li t-talba għall-estradizzjoni ta’ Adrian Hillman intbagħtet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

Skont rapport li deher fuq it-Times of Malta, jidher li dan il-proċess biex l-eks Direttur tat-Times jinġieb Malta jista’ jdum għal diversi ġimgħat. L-aħħar rapporti jindikaw li l-awtoritajiet Maltin bagħtu talba dettaljata lill-kontropartijiet tar-Renju Unit il-ġimgħa li għaddiet. Madanakollu jidher li l-pulizija ta’ Malta u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għadhom ma rċevewx risposta.

Il-proċess biex Hillman jinġieb Malta biex jiffaċċja akkużi kriminali huwa wieħed xi ftit kumplikat għaliex l-akkużi li jista’ jaffaċja inħarġu f’Malta waqt li hu jinsab fuq art Brittanika. It-Times pruvaw jikkuntatjaw lil Hillman iżda hu ma weġibx.

Jidher li l-Pulizija Maltija għall-ewwel darba minn kemm ilu li r-Renju Unit ħareġ mill-UE se tkun qed tuża s-Surrender Agreement biex Hillman ikun jista’ jinġieb Malta. Dan il-fethim jiskatta f’każ li pajjiż tal-UE u r-Renju Unit ikunu qed jikkoperaw fuq fast-tracking ta’ estradizzjoni.

L-allegat akkużi fil-konfront tal-eks Direttur tat-Times, ħarġu wara Inkjesta dwar ix-xiri ta’ tliet magni tal-istampar ta’ Progress Press mill-kumpanija Kasco Ltd ta’ Keith Schembri. Fil-Qorti ħareġ li Progress Press spiċċaw ħallsu madwar 6 miljuni aktar milli kellhom iħallsu filwaqt li Keith Schembri u persuni oħrajn allegatament għamlu aktar minn 5 miljun Ewro profitt minn fuq id-deal.

Vincent Buhagiar, li kien chairman tal-Progress Press meta sar dan id-deal, ġie akkużat ukoll li rċieva backhanders mill-eks Chief of Staff ta’ Kastilja.

Skont rapporti leaked, it-Times qalet li Schembri allegatament iffiltra ‘l fuq minn €650,000 lil Hillman f’aktar minn 30 “tranżazzjoni suspettuża” bejn l-2011 u l-2015. Hillman instab ukoll li ddepożita €225,000 fi flus kontanti fil-kont HSBC tiegħu bejn Jannar 2011 u Frar 2016. L-allegazzjonijiet ta’ reat finanzjarju bejn dawn it-tnejn ġew irrappurtati għall-ewwel darba minn Daphne Caruana Galizia fl-2016.