Knisja Kultura Lokali Mużika

“Mixgħela ta’ tama f’riġlejn Kristu”

Riflessjonijiet u talb f'Ħamis ix-Xirka f'riġlejn kurċifiss imżanżan f'Misraħ Sagra Familja l-Kalkara

Misraħ Sagra Familja fil-Kalkara fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka se tinbidel f’mixgħela ta’ tama f’riġlejn Kristu Msallab life size li intrama fl-istess pjazza, xogħol imżanżan din is-sena tal-artist Għawdxi, James Azzopardi.

Bħala parti minn sensiela ta’ xandiriet diretti fuq il-paġna ta’ facebook taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, il-Ħamis għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħaxija se jsir mument ta’ talb u tberik quddiem l-istess kurċifiss li se tixxandar direttament fuq l-istess paġna ta’ Facebook.

Il-messaġġ wara din l-inizjattiva hija dik ta’ TAMA, kemm fil-problemi tal-ħajja, speċjalment fi żminijiet ta’ pandemija.

Għal din l-attività, is-Soċjetà qed tħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jipparteċipaw billi joffru xi xemgħat sabiex jikkuntattjaw lil xi membru tas-Soċjetà jew b’messaġġ fuq il-Paġna ta’ Facebook.

Fl-istess waqt, l-Għaqda tal-Armar Ġilju ta’ Lulju, fi ħdan l-istess Soċjetà, ħadet ħsieb tarma dekorazzjonijiet addattati għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa biex jikkumplimentaw dan il-kurċifiss.