L-Organizzazzjoni internazzjonali Save the Children qalet li aktar minn 40 tifel u tifla tilfu ħajjithom taħt idejn il-qawwiet militari ta’ Myanmar mindu l-pajjiż spiċċa taħt kolp ta’ stat fil-bidu ta’ Frar.
Kelliema għall-organizzazzjoni qalu li Myanmar bħalissa qed jgħix minn ħmar il-lejl ta’ veru u li l-iżgħar vittma tal-vjolenza mill-Armata kien għad għandu biss sitt snin.
Is-sorsi li qed isegwu l-konsegwenzi tal-kolp ta’ stat fl-bliet prinċipali qalu li l-vittmi tal-vjolenza tal-aħħar ġimgħat qabżu l-500 u qed jiżdiedu minn jum għall-ieħor.
Ir-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal Myanmar wissa, sadanittant, li l-pajjiż qed jissogra li jegħreq f’banju ta’ dmija aktar mal-Ġunta militari tuża l-ponn tal-ħadid maċ-ċittadini li qegħdin jipprotestaw favur id-demokrazija.
Il-militar kien ħataf il-kontroll wara li l-Partit tal-Lega Nazzjonali ta’ Aung San Suu Kyi, il-mexxejja demokratika ta’ Myanmar, kiseb rebħa kbira fuq il-partit appoġġjat mill-militar fl-elezzjoni ġenerali ta’ Novembru.
//= $special ?>