Filwaqt li d-dinja qed tieħu l-miżuri kollha biex trażżan l-impatt tal-Covid-19 u l-konsegwenzi tal-varjanti, il-miljuni ta’ Kristjani f’diversi pajjiżi fakkru t-tieni jum tal-Ġimgħa l-Kbira mill-bidu tal-pandemija – u fejn saru xorta waħda numru ta’ ritwali sinonimi mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Għalkemm il-folol u ċ-ċerimonji fil-pajjiżi tal-Ewropa naqsu sew minn tas-snin preċedenti, id-devoti fil-Belt Antika ta’ Ġerusalemm ħadu sehem xorta f’ċerimonja għall-ġarr tas-slaleb tul il-famuża rotta tal-Via Dolorosa.
Sadanittant, numru ta’ Kristjani lebsin il-maskri marru fil-Monasteru ta’ Kalwaria – dikjarat bħala sit għall-patrimonju dinji mill-UNESCO – biex josservaw ir-ritwali tal-Ġimgħa l-Kbira. Fis-snin ta’ qabel, eluf kbar ta’ devoti kienu jivvjaġġaw lejn dan is-sit biex jaraw re-enactment tal-Passjoni ta’ Kristu fuq is-Salib li hu fost l-aktar ċerimonji reliġjużi rinomati għall-Ewropej.
Eluf oħra ta’ Kattoliċi attendew għal ċerimonji limitati madwar id-dinja u fejn ippruvaw kemm jista’ ikun josservaw id-distanzi soċjali f’sitwazzjonijiet pjuttost diffiċli. Iżda bla dubju spikkaw l-aktar iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi – b’mod speċjali l-quddies online – għall-Kristjani u l-Kattoliċi madwar id-dinja.
Għat-tieni sena konsekuttiva , miljuni ta’ Kattoliċi fil-Filippini kienu sfurzati li jqattgħu l-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa darhom, wara li l-Gvern ta’ Manila illimita l-gruppi tan-nies u s-servizzi reliġjużi minħabba l-firxa tal-Covid-19 fil-pajjiż.
Il-Filippini hi fost l-aktar pajjiżi tad-dinja li s-soltu josservaw bir-reqqa r-ritwali tal-Ġimgħa l-Kbira. F’dawn ir-ritwali, in-nies kienu jissallbu bl-imsiemer mas-slaleb b’ oħrajn jimxu minn rotot partikulari huma u jifflaġellaw lilhom infushom bħala penitenza għal dnubiethom.
Fl-istess ħin, il-Filippini rappurtat l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 għal jum wieħed u li kien jammonta għal 15,310 każi ġodda.
Fi żviluppi oħra, il-Kenja, il-Pakistan, il-Filippini u Bangladesh żdiedu mal- ‘lista l-ħamra’ ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom ma jistgħux jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra. Il-projbizzjoni għal dawn iċ-ċittadini se ssir effettiva mid-9 ta’ April.
L-aħħar statistika tal-Gvern fl-Ingilterra sostniet li n-numru tar-riproduzzjoni tal-coronavirus – jew R factor – fil-pajjiż niżel għal bejn 0.8 u 1. Intant, ‘il fuq minn 70 deputat parlamenti bdew kampanja biex jopponu l-passaporti tal-Covid fl-Ingilterra u fost rapporti dwar l-introduzzjoni ta’ proġetti pilota li jaraw kif se jaħdmu dawn il-passapporti.
Intant, il-Polonja, fl-aħħar sigħat irrappurtat l-akbar numru ta’ infezzjonijiet ġodda bil-coronavirus mill-bidu tal-pandemija – bil-Ministeru tas-Saħħa f’Varsavja jsostni li kien hemm ‘il fuq minn 35,000 każ ġdid u talanqas 620 mewta relatata mal-virus għal perjodu ta’ 24 siegħa.
//= $special ?>