Tradizzjonalment, l-għasel hu magħruf l-aktar fi żmien Santa Liena, jiġifieri fl-għeqqel tas-sajf… iżda persuna li jrabbi n-naħal ħa sorpriża liema bħalha hekk kif fl-ewwel t’April kien jeħtieġ li jibda jieħu l-għasel mill-qafas tan-naħal… madwar erba’ xhur qabel mistenni.
In-Nazzjon tkellem ma’ David Debono fejn spjegalna li jaħseb li dan il-fenonimu seħħ minħabba l-klima ta’ pajjiżna filwaqt li din is-sena, il-gżira rat ftit li xejn xita.
Debono qal li dan kien possibli wkoll minħabba l-fatt li l-post jinsab fix-Xgħajra u b’hekk peress li x-xemx titla’ minn dik in-naħa ta’ Malta, dan kien t’għajnuna wkoll.
Il-proċess tal-għasel jibda bl-imżamma tan-naħal fejn imbagħad, meta jasal iż-żmien in-naħal jiġu separati mill-qafas mimli għasel li jkunu għamlu n-naħal stess għal xhur sħaħ. Wara jkun jmiss li l-għasel jinqala’ minn mal-qafas permezz ta’ żmillatur fejn permezz ta’ ċaqliq li jibda jagħmel dan il-makkinarju, l-għasel jinqala’ minn mal-qafas għal barmil. Dan biex finalment jgħadduh minn passatur u jitpoġġa fi fliexken għall-bejgħ.
Staqsejna wkoll kif bdiet din il-passjoni lejn il-ħarsien tan-naħal għall-għasel, liema passjoni ilha biss sena. Hu qal magħna li wara li beda jħaddem miegħu ħaddiem li jifhem fuq il-palm tat-tamal, dan l-istess ħaddiem beda juri l-passjoni li għandu għan-naħal tant li jmur fejn imur jieqaf u jissemma biex jara jsibx xi naħla. Kien minn hemmhekk li talbu jibdew irabbu n-naħal flimkien tant li llum il-ġurnata jbiegħu l-għasel fil-fliexken.
Filmat: Steve Psaila
Muntaġġ: Gail Mallia