Il-Prim Ministru proviżorju tal-Olanda, Mark Rutte, salva bi żbrixx minn vot ta’ fiduċja relatata mal-imġieba tiegħu waqt it-taħditiet li qed imexxi biex jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni. Intant, Rutte għadu xorta taħt pressjoni wara li l-Parlament Olandiż adotta mozzjoni formali ta’ diżapprovazzjoni li nnutat li hu (Rutte) naqas milli jgħid il-verità waqt li kien għaddej b’dawk it-taħditiet.
Rutte qed ikun akkużat b’li gideb dwar l-intenzjoni biex jitwarrab deputat parlamentari magħruf bħala kritiku kbir tal-Prim Ministru. Qed ikun allegat li Rutte ried inaqqas mill-influwenza tad-deputat, Pieter Omtzigt, li kien għen jikxef skandlu ta’ frodi fis-sistema tal-ġid soċjali għat-tfal u li kien wassal għar-riżenja tal-Gvern Olandiż f’Jannar ( qabel l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Marzu).
Omtzigt hu membru tal-Partit għall-Appell Demokristjan li kienu jifforma parti mill-koalizzjoni preċedenti fl-Olanda.Intant, Mark Rutte qal li qed jaċċetta ‘il-messaġġ serju mill-Parlament’ u li se jagħmel li jista’ ‘biex jikseb lura l-fiduċja tal-assemblea.’
Mark Rutte ilu fil-poter għal aktar minn għaxar snin u l-Partit tiegħu VVD ( taċ-ċentru-lemin) rebaħ l-aktar siġġijiet fl-elezzjonijiet parlamentari ta’ ġimgħatejn ilu – u għal riżultat li permetta biex Rutte jissieħeb fit-taħditiet għal koalizzjoni ġdida.
//= $special ?>