Mietu talanqas 50 persuna – b’għexieren oħra jindarbu – meta ferrovija li kienet qed twassal ‘il fuq minn 500 ruħ lejn l-inħawi ta’ Taitung qabżet il-binarji wara li baqgħet dieħla ġo vettura għall-kostruzzjoni li, b’xi mod jew ieħor, spiċċat direttament quddiem l-entratura għal mina.
Il-ferrovija għandha tmien vaguni li wħud minnhom ġarrbu l-ħsarat kbar fl-inċident li seħħ lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Hualien. Dan meta l-iskwadri tas-salvataġġ qed jippruvaw jidħlu fil-vaguni ( taħt il-mina) biex ifittxu għan-nies u l-midruba. Kien ikkonfermat, intant, li xi passiġġieri rnexxielhom joħorġu wara li kissru t-twieqi tal-vaguni, waqt li passiġġieri oħra fuq il-parti ta’ wara tal-ferrovija ‘ħarġu mill-vagun partikulari mingħajr girfa’.
Fil-ħin tal-inċident, il-ferrovija kienet qed tivvjaġġa mill-kapitali Tajpej lejn Taitung. Il-passiġġieri ta’ fuqu, intant, kienu qed jaħsbu biex igawdu l-long weekend tradizzjonali għat-Tajwaniżi f’dan iż-żmien tas-sena.
Fil-fatt, l-awtoritajiet jaħsbu li ħafna mill-passiġġieri kienu spiċċaw bil-wieqfa fil-ferrovija li kienet ippakkjata bin-nies. Il-ferrovija partikulari għandha l-kapaċità li tivvjaġġa b’massimu ta’ 130 kilometru fis-siegħa u tintuża għall-iskedi tal-ivvjaġġar speċifiċi. Sadanittant, l-inċident hu l-agħar li jinvolvi ferrovija fit-Tajwan għal għexieren ta’ snin.
Il-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen esprimiet il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi waqt li ordnat minnufih li ssir investigazzjoni bir-reqqa tal-inċident. Dan waqt li fl-aħħar sigħat, numru sinifikanti ta’ midruba kienu qed jitwasslu lejn l-eqreb sptarijiet biex ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu.