Issoktat is-sitwazzjoni prekarja fil-Baħar Mediterran hekk kif rapporti internazzjonali qed jindikaw li mal-kosta Afrikana hemm mijiet ta’ dgħajjes li qed jaqsmu minn dan il-kontinent lejn l-Ewropa.
Infatti, fl-aħħar sigħat, l-Għaqda Alarm Phone irrapportat li hemm kwazi 300 persuna fil-periklu fl-ibħra taż-żona Maltija tat-tiftix u salvataġġ.
L-għaqda spjegat li dawn il-persuni ilhom bejn sema u ilma għal kważi jumejn filwaqt li saħqet li l-Awtoritajiet Maltin mhux qed iwieġbu għas-sejħa għall-għajnuna.
Il-Ħamis feġġew l-ewwel rapporti ta’ 80 immigrant li kienu jinsabu bejn sema u ilma abbord dinghy imdaqqas li spiccaw maqbuda f’nofs ta’ baħar minħabba li kellhom ħsarat fil-magni. Kollox qed jindika li dawn l-immigranti telqu mil-Libja. F’dawn l-aħħar jumejn dan in-numru żdied għal madwar 270 immigrant.
Vjaġġi oħra qed jaslu anke sal-kosta Taljana, fejn matul il-jum tal-Ħamis kien hemm rapporti ta’ għexieren ta’ immigranti li ddaħħlu Pozzallo mill-awtoritajiet Taljani. Fost dawn, kien hemm 17-il tifel u tifla.
Fl-ewwel jiem ta’ din is-sena, 96 immigrant kienu salvati fiz-zona SAR ta’ Malta, għalkemm ma nafux jekk dawn inżammux f’pajjiżna jew le.
//= $special ?>