Issokta l-kunflitt fil-Pitkalija bejn il-Gvern u l-Pitkala, bil-Ministru Anton Refalo ħareġ jattakka l-Pitkala, filwaqt li f’kummenti li ħadna mill-Assoċjazzjoni tal-Pitkala sar appell ġenwin biex issir diskuzzjoni matura u tennew li din hija sitwazzjoni li ġiet sfurzata fuqhom.
“Din hija sitwazzjoni li ġiet sfurzata fuqna, dan mhux strajk tal-pitkala, imma d-Dipartiment ġabna f’sitwazzjoni fejn ma nistgħux noperaw”
Jan Bonello mill-Assoċjazzjoni tal-Pitkala qal li ilhom għaddejjin bid-diskuzzjonijiet li ilhom għaddejjin għal kważi 8 xhur, li għal dan in-nuqqas se jbatu kemm huma bħala pitkala, u kif ukoll il-bdiewa.
Bonello fakkar li kien il-Ministru Anton Refalo stess li wiegħed li l-garanzija bankarja m’hemmx bżonn tkun imġedda, għaliex ħa tiġi abolita b’mod assolut.
“Fil-laqgħa li kellna mal-Ministru nnifsu, il-Ministru wegħdna dan kollu, kien hemm xiehda tal-avukata tagħna fejn il-Ministru wegħdna li l-garanzija bankarja m’hemmx bżonn tkun imġedda għax se tkun abolita…. Aħna serraħna rasna għax is-sitwazzjoni finanzjarja fil-pajjiż hi li hi….”
“Il-Ġimgħa li għadda rċevejna ittra mid-Dipartiment tal-Agrikoltura li jekk ma nġeddux il-garanziji bankarji mhux se jkollna liċenzji mġedda, allura issa mhux mhux se nkunu nistgħu noperaw .
Fil-kummenti li għaddew lil Net News intqal li l-pitkala qed jappellew li tinstab soluzzjoni.
“Aħna dejjem konna għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment biex nitkellmu, kellna laqgħa il-Ħamis mas-Segretarju nnifsu u reġa’ ġie mtenni li mingħajr garanzija mhux se noperaw, skoprejna li ġejna diskriminati minn żewġ operaturi oħra li huma eżatt bħalna fiċ-ċentru tal-Pitkalija għaliex wieħed ilu jopera numru ta’ snin mingħajr garanzija bankarja u l-ieħor kellu liċenzja mġedda fuq garanzija li ma kinitx skont il-provizjonijiet tal-liġi, aħna qed nipproponu diskussjoni matura, miftuħa, aħna nixtiequ naħdmu li kulħadd jieħu dak li ħaqqu, aħna rridu soluzzjoni kemm għalina u kemm għall-bdiewa”
Il-Ministru jattakka lill-pitkala
Intant fir-reazzjoni li nħarġet is-Sibt filgħodu għall-aħħar żviluppi, il-Ministru Anton Refalo ħareġ jattakka lill-pitkala. Il-Ministeru ħabbar li nhar it-Tnejn 5 ta’ April, il-bdiewa se ikunu jistgħu jidħlu fis-Suq tal-Pitkalija fis-2am.
Appell għas-sens komun
Fl-aħħar sigħat tkellmet wkoll il-Fondazzjoni MaYA, fejn appellaw għas-sens komun u biex il-Gvern u l-Ministru konċernat biex din is-sitwazzjoni ma tkomplix teskala u tkun ta’ piż għal ħafna li jaqilgħu l-ħobża tagħhom minn dan is-settur.
Huma qalu li din is-sitwazzjoni jeħtieġ li tissolva f’qasir żmien biex il-prodott tal-ħaxix u l-frott ma jkunx qed jieħu daqqa fl-istaġun tar-rebbiegħa, li huwa wara kollox l-aktar staġun produttiv għas-settur tal-Agrikoltura kollu.
//= $special ?>