Futbol Sport

Draw fid-Derby della Mole…Inter pass eqreb li jirbħu l-kampjonat

(Ritratt: EPA)

F’ Sibt il-Għid, fis-Serie A ntlagħab programm sħiħ ta’ partiti fejn spikkaw fost l-oħrajn id-draw ta’ Juventus u d-draw ta’ Milan.

Fid-Derby della Mole, Juventus kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Torino. FEDERICO CHIESA fetaħ l-iskor għal Juventus wara 13-il minuta filwaqt li ANTONIO SANABRIA ġab l-iskor indaqs fis-27 minuta. Fit-tieni taqsima, Torino ħarġu fuq l-offensiva u marru fil-vantaġġ fis-46 minuta meta kien għal darb’oħra SANABRIA li għamel l-iskor 2-1. Ħdax-il minuta mit-tmiem, kien CRISTIANO RONALDO li salva punt għall-Bianconeri.

Inter approfitaw mid-draw ta’ Juventus u Milan hekk kif barra minn darhom għelbu lil Bologna 1-0 biex b’hekk fetħu vantaġġ ta’ tmien punti fuq Milan. Il-gowl uniku tal-partita wasal fil-31 minuta meta ROMELU LUKAKU kkonkluda cross ta’ Bastoni, riżultat li t-tim ta’ Antonio Conte żamm sat-tmiem.

Milan komplew inaqqsu t-tamiet tagħhom li jisfidaw lil Inter għar-rebħ tal-kampjonat meta fi Stadio San Siro kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Sampdoria. FABIO QUAGLIARELLA fetaħ l-iskor għal Sampdoria fis-57 minuta, biex żewġ minuti wara t-tim ta’ Claudio Ranieri safa’ jilgħab bi player anqas meta tkeċċa Adrien Silva. JENS PETTER HAUGE salva punt għal Milan meta skorja fis-87 minuta.

Seba’ gowl fi Stadio Diego Maradona hekk kif Napoli għelbu lil Crotone 4-3. LORENZO INSIGNE fetaħ l-iskor għal Napoli fid-19-il minuta b’VICTOR OSIMHEN jagħmilhom 2-0 tliet minuti wara. SIMY daħħal lil Crotone fil-partita fil-25 minuta filwaqt li DRIES MERTENS reġa fetaħ vantaġġ doppju għat-tim imexxi minn Gennaro Gattuso. SIMY reġa naqqas l-iskor fit-48 minuta filwaqt li JUNIOR MESSIAS mas-siegħa logħob għamel l-iskor 3-3. Napoli skorjaw dak li kellu jkun l-gowl tar-rebħa fit-72 minuta permezz ta’ GIOVANNI DI LORENZO.

Fi Stadio Mapei, Sassuolo u Roma temmew fi draw ta’ 2-2. LORENZO PELLIGRINI fetaħ l-iskor għat-tim mill-kapitali wara 26 minuta permezz ta’ peanlty filwaqt li HAMED TRAORE ġab l-iskor indaqs fis-57 minuta. BRUNO PERES poġġa lil Roma fil-vantaġġ fid-69 minuta biex, GIACOMO RASPADORI salva punt għal Sassuolo ħames minuti mit-tmiem.

Atalanta kisbu rebħa importanti biex saħħew posthom fit-tielet post tal-klassifika meta fil-Gewiss Stadium għelbu lil Udinese 3-2. LUIS MURIEL fetaħ vantaġġ doppju għal Atalanta fid-19 u fit-43 minuta. ROBERTO PEREYRA naqqa l-iskor għal Udinese ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima. DUVAN ZAPATA reġa poġġa lit-tim ta’ Gian Piero Gasperini fil-vantaġġ fil-61 minuta. JENS STRYGER LARSEN skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Udinese.

Fiorentina u Genoa ħadu punti kull wieħed fi draw ta’ 1-1. MATTIA DESTRO fetaħ l-iskor għal Genoa fit-13-il minuta, bi Fiorentina jġibu l-iskor indaqs għaxar minuti wara permezz ta’ DUSAN VLAHOVIC. Fiorentina temmew il-partita bi player anqas meta fil-51 minuta tkeċċa Franck Ribery.

SERIE A
Illum:
Milan v Sampdoria 1-1, Atalanta v Udinese 3-2, Napoli v Crotone 4-3, Benevento v Parma 2-2, Sassuolo v Roma 2-2, Genoa v Fiorentina 1-1, Cagliari v Verona 0-2, Lazio v Spezia 2-1, Torino v Juvenus 2-2, Bologna v Inter 8.45pm