Lokali

“Il-Gvern għandu jressaq mill-aktar fis il-pjan tiegħu għal riforma tal-Pitkalija” – PN

"Il-kunflitt fil-Pitkalija jixhed b’mod ċar li l-Gvern qed imexxi il-Pitkalija b'sistema ta’ management by crisis" - Stqarrija tal-PN

Fil-preżent il-pandemija tal-COVID-19 diġa’ qed toħloq sfidi kbar għall-bdiewa u dawk kollha nvoluti fil-bejgħ tal-prodott frisk lokali. F’din ir-realta’, l-Partit Nazzjonalista jemmen li kull konflitt li jista’ jinħoloq fil-Pitkalija u li jwassal għal kaws fis-sistema tal-bejgħ tal-prodott agrikolu tal-bdiewa huwa mill-aktar sensittiv u li finalment se jispiċċa joħloq iktar problemi għall-istess bdiewa.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan il-kunflitt li nħoloq bejn il-Gvern u l-Pitkalija hija deċiżjoni mill-aktar irresponsabbli għaliex l-akbar prijorita’ bħalissa għall-Gvern għandha tkun li jara li f’dan il-waqt, b’mod partikolari, l-Pitkalijatitmexxa bl-aktar effiċenzja possibbli u li l-miżuri tas-saħħa jiġu rispettati, filwaqt li tara wkoll li l-prodott agrikolu li jidħol fil-Pitkalija jinbiegħ bl-aħjar prezz għas-sodisfazzjon ta’ dawk kollha nvoluti f’dan is- suq.

Il-fatt li nħoloq dan il-kunflitt jixhed b’mod ċar li l-Gvern fil-preżent qed imexxi il-Pitkalija b’sistema ta’ management by crisis. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista filwaqt li qed isegwi mill-qrib dak kollu li qed iseħħ fil-Pitkalija jitlob lill-Gvern isib soluzzjoni immedjata għal dan il-kunflitt u jitlob ukoll lill-Gvern sabiex iressaq mill-aktar fis il-pjan tiegħu għal riforma
tal-Pitkalija, liema riforma ilha tiġi mwegħda minnu s-snin.

Din l-istqarrija tal-PN kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo.