Raġel ta’ 46 sena minn Marsaxlokk wieġeb mhux ħati li kellu l-maskra mniżżla u li fera ħafif membru tal-Korp tal-Pulizija tal-Kommunità, anzi allega fil-Qorti li kien hu li safa mbuttat u spiċċa b’idu l-leminija miskura u bi ġrieħi f’rasu.
Pierre Cassar li jaħdem il-fish-farm kien fil-viċinanzi ta’ ħanut tal-pastizzi f’Marsaxlokk fil-Ġimgħa l-Kbira, u dan għall-ħabta tat-3.30pm. Minn hemm għadda Pulizija flimkien ma’ tnejn oħra, u li wieħed minnhom qallu biex iniżżel il-maskra għax allegatament kienet imniżżla l-isfel mill-imnieħer.
Cassar, li tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke qed jikkontendi li mar biex jixtri l-kafe u Pulizija stennewh sakemm ġie imbuttat u bi ġrieħi f’idu u f’rasu.
L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Francesca Zarb deher għal Cassar qal li fuq maskra li allegatament ma kinitx milbusa sew, xi ħaġa li l-akkużat qed jikkontesta bil-qawwa kollha. Fil-fatt Cassar spiċċa jittieħed għall-kura fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Minbarra li ma kienx liebes il-maskra kif suppost u skont il-liġi, Cassar ġie mixli wkoll li nġurja u hedded ufiċċjali tal-Pulizija, li attakka lill-istess uffiċċjali, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tagħhom, li naqas li jagħtihom informazzjoni mitluba minnhom u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq membru tal-Korp tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti li fil-Qortin qalet li kien l-akkużat li agredixxa lill-Pulizija. Cassar ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €300 u garazija personali ta’ €2,000 u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun darbtejn fil-ġimgħa.
//= $special ?>