Lokali

Jitwaqqfu x-xogħlijiet f’Kemmuna wara pressjoni tal-PN

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar se jmur għand l-Ombudsman sabiex jiġu investigati l-irregolaritajiet ta’ Infrastracture Malta u entitajiet tal-Gvern b’rabta ma’ xogħolijiet infrastrutturali li qed jikkawżaw ħsarat irreparabbli fl-ambjent ta’ pajjiżna.

Dan filwaqt li wara l-pressjoni li saret mill-istess Robert Cutajar, li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, ix-xogħolijiet fit-triq li twassal għall-Blue Lagoon twaqqfu mill-ERA … filwaqt li l-applikazzjoni għall-permess qed tiġi riveduta.

Robert Cutajar saħaq li dak li kien qed isir f’Kemmuna, qed narawh ukoll f’ħafna mix-xogħolijiet li l-Gvern qed jagħmel… fosthom fid-Dwejra, Ħad Dingli kif ukoll f’Pembroke. Dan għall-Oppożizzjoni mhux aċċettabli hekk kif il-Gvern sfaċċatament qed jikser il-liġijiet tal-pajjiż u r-regolamenti ambjentali.

Huwa inaċċetabbli wkoll li l-entitajiet tal-Gvern jibdew xogħolijiet qabel ma’ jinġiebu l-permessi. Dan filwaqt li wasal żmien li l-pulizija tibda tinvestiga dawn l-entitajiet li qed jagħmlu dawn l-illegalitajiet.

Dawn ix-xogħolijiet f’Kemmuna kienu se jwasslu biex jikkawżaw ħsara ambjentali kbira u ksur tal-Liġi sussidjarja li titratta Regolamenti dwar il-protezzjoni tal-Flora, il-Fawna u l-ambjent naturali.

Tqajjem ukoll tħassib minn diversi ghaqdiet ambjentali fosthom Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta illi saħqu li l-ebda Ministeru jew entita’ m’għandha tikser il-liġi sabiex tikseb aktar popolarita’ politika.