Koppja Ungeriża ġie mixlija quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke mixlija b’pussess, importazzjoni u traffikar tad-droga fost reati oħra. Ir-raġel ġie mixli wkoll b’theddid fil-konfront tal-Pulizija fejn skont il-Prosekuzzjoni qalilhom li xtaq li kellu l-Covid sabiex jinfettahom.
Il-koppja kienet arrestata fil-Ġimgħa l-Kbira mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li kien ilhom żmien josservawha li kienet qed tirċievi d-droga bil-posta.
L-Ispettur Justine Grech qalet li minn tfittxija li għamlu fir-residenza tal-koppja f’Birżebbuga, instabet sustanza suspettata li hija eroina u MDMA lesta biex tiġi ttraffikata kif ukoll sustanza suspettata amfetamina.
Ik-koppja huma Mark Tamas Zalavary ta’ 37 sena, diżokkupat u Agnes Suranyi ta’ 40 sena li taħdem bħala courier mal-kumpanija Bolt. L-Ispettur Grech sostniet li r-raġel ġie akkużat li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija u b’theddid.
Fil-Qorti hija qaltilhom li kien arroganti magħhom u li qalilhom li xtaq li kellu l-Covid biex jinfettahom. Fil-każ tal-akkużata tal-mara ingħad li ppruvat ukoll ixxaħħam lill-pulizija.
Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali, Leontine Calleja, il-koppja li tressqu l-Qorti separatament, wieġbet li mhux ħatja għall-akkużi. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura gravi tar-reati, il-biża ta’ ntralċ tal-provi, n-nuqqas ta’ affidabilità tagħhom u l-possibilità li jaħarbu minn Malta.
//= $special ?>