Futbol Sport

Man City aktar viċin it-titlu…sorpriża kbira minn West Brom fi Stamford Bridge

(Ritratt: EPA)

Manchester City komplew javvanzaw lejn ir-rebħ tal-Premier Ingliż b’rebħa komda, 2-0, fuq Leicester City fil-King Power Stadium. B’din ir-rebħa, is-Citizens ta’ Pep Guardiola issa fetħu vantaġġ ta’ sbatax-il punt fuq it-tieni tim, Manchester United – u meta r-Red Devils (li huma impenjati llum kontra Brighton and Hove Albion) lagħbu żewġ logħbiet anqas.
Intant, Man City issa jonqoshom erba’ rebħiet biss biex jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat u għalkemm l-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls huma kienu kapaċi jiżblukkaw ir-riżultat fit-58 minuta meta d-difensur Franċiż, Benjamin MENDY (58) ipproduċa xutt mill-isbaħ li ħalla lil Schmeichel iħares. Il-gowl kien wieħed mistħoqq wara li City ( fl-ewwel taqsima) kellhom ‘gowl’ ta’ Fernandinho imħassar , b’Kevin de Bruyne jara l-freekick tiegħu jistampa mal-lasta. Intant, Leicester ukoll tħassrilhom ‘gowl’ lejn tmiem it-taqsima wara li Jamie Vardy sab ix-xibka minn pożizzjoni ta’ offside. Intant, it-tieni gowl deċiżiv għal City wasal minn Gabriel JESUS (75) li sab ix-xibka mill-viċin wara l-assist ta’ Raheem Sterling u b’Leicester jonqsu minn reazzjoni.

Matheus PEREIRA u Callum ROBINSON skurjaw darbtejn fir-rebħa sorpriża ta’ West Bromwich Albion fuq Chelsea (5-2) fi Stamford Bridge – bir-riżultat iservi bħala doċċa kiesħa kbira għall-Blues li kienu ilhom ma jduqu disfatta għal erbatax-il logħba konsekuttiva, taħt it-tmexxija tal-manager, Thomas Tuchel. Intant, ir-rebħa enfatika għandha tqawwi qalb il-Baggies li jsalvaw posthom mal-kbar kontra kull mistenni, b’Chelsea – li tkeċċielhom id-difensur Thiago Silva wara nofs-siegħa logħob — jipproduċu waħda mill-agħar wirijiet tal-istaġun. Kienu fil-fatt Chelsea li marru fil-vantaġġ minn PULISIC (27) iżda tliet minuti wara Thiago ntwera t-tieni karta safra għal fawl ikrah fuq Yokuslu — b’West Brom jieħdu vantaġġ assolut mis-sitwazzjoni fejn dawwru r-riżultat b’żewġ gowls ta’ Pereira li waslu fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Chelsea ħarġu demoralizzati għat-tieni 45 minuta u West Brom żiedu żewġ gowls oħra mis-sostitut Robinson (63) u Mbaye DIAGNE (68) – b’Mason MOUNT (71) inaqqas il-marġni għall-Blues. Intant, il-logħob ta’ Chelsea baqa’ konfuż u bil-Baggies iżidu l-iskor fil-91 minuta meta Robinson għamilhom ħamsa b’xutt qawwi minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Mendy.

L-attakkant Portugiż Diogo JOTA kien l-eroj ta’ Liverpool f’rebħa netta ta’ 3-0 fuq Arsenal fl-Emirates Stadium. Fil-fatt, Jota, li kien ilu żmien nieqes mil-logħob tal-Premier League minħabba injury fit-tul, daħal jilgħab bħala sostitut u – bħalma jindika r-riżultat — kien ferm strumentali fit-tielet rebħa konsekuttiva ta’ Liverpool fuq il-Gunners barra minn darhom.
Arsenal iddiżappuntaw bil-kbir f’dan il-konfront iżda Livepool kellhom jistennew sal-64 minuta biex jiżblukkaw ir-riżultat meta Jota ( li kien ilu fil-grawnd tliet minuti biss) daħal għall-kross ta’ Trent Alexander-Arnold biex jegħleb lill-gowliper Leno bir-ras. It-tieni gowl tar-Reds kien fl-ajru u wasal meta Mo SALAH (68) qabeż lil Gabriel u rdoppja – bil-ballun jgħaddi bejn saqajn Leno u għal ġox-xibka.Intant, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Jota li tmien minuti mit-tmiem ikkonkluda mill-viċin għal gowl numru tlieta, u wara azzjoni rapida li kienet tinvolvi anki lil Salah u Fabinho.

Leeds United qabżu fl-għaxar post tal-klassifika tal-Premier Ingliż b’rebħa, 2-1, f’Elland Road fuq Sheffield United. Iżda minkejja li huma prattikament relegati, il-Blades għamlu l-ħajja diffiċli għal-Leeds f’dan il-Yorkshire derby u kellhom anki ċ-ċansijiet biex jiksbu punt lejn l-aħħar ħinijiet. It-tim ta’ Marco Bielsa fetaħ l-iskor minn Jack HARRISON wara 12-il minuta, b’Leeds ifallu numru ta’ ċansijiet oħra quddiem il-lasta ta’ Ramsdale – u bil-Blades jiksbu d-dro kontra x-xejra tal-logħob meta Ben OSBORN (45+2) sammar ġewwa mill-viċin wara azzjoni personali ta’ McBurnie. Intant, it-tliet punti għal Leeds kienu siġillati kmieni fit-tieni taqsima meta d-difensur ta’ Sheffield, Phil Jagielka, ikkommetta awtogol klassiku meta prova jinnewtralizza l-kross fil-baxx ta’ Harrison. Minn dak il-ħin, il-Blades bdew ikunu aktar perikolużi u s-sostituti, Brewster u Burke, it-tnejn fallew opportunitajiet tajbin biex isalvaw punt. Sheff Utd issa huma 14-il punt ‘il bogħod mis-salvazzjoni meta fadal biss tmien logħbiet għal tmiem il-kampjonat.

PREMIER LEAGUE
Illum: Chelsea v West Brom 2-5, Leeds v Sheff Utd 2-1, Leicester v Man City 0-2, Arsenal v Liverpool 0-3 Għada: Southampton v Burnley 1.00pm, Newcastle v Tottenham 3.05pm, Aston Villa v Fulham 5.30pm, Man Utd v Brighton 8.30pm It-Tnejn: Everton v C’Palace 7.00pm, Wolves v West Ham 9.15pm