Lokali Qorti

Mixli li ffroda bi €8,000 lil nannuh u serq minn pompi tal-petrol għad-droga

Raġel li fil-jum tas-Sibt tressaq il-Qorti waqt li kien qed jiċċelebra għeluq sninu ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li ffroda lin-nannuh b’madwar €8,000 u dan biex isostni l-vizzju qawwi tiegħu tad-droga, l-aktar ħaxixa u smack.

Il-vizzju tad-droga wassal lil dan ir-raġel ta’ 30 sena, biex jiffroda lin-nannu tiegħu li huwa sid ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni. Huwa qed jiġi akkużat wkoll li wettaq sensiela ta’ serqiet l-aktar minn pompi tal-petrol.

L-akkużat huwa minn San Pawl il-Baħar, u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti. Huwa qal li jaħdem ma’ missieru u wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-avukat Mario Buttigieg, f’isem il-klijent tiegħu għamel talba għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu l-Ispetturi Godwin Scerri, Christina Delia u Matthew Grech li nvestigaw il-każ oġġezzjonaw bil-qawwa kollha u qalu li l-investigazzjonijiet bdew fi Frar li għadda fuq serq ta’ ktieb taċ-ċekkijiet ta’ membru tal-familja.

Il-Prosekuzzjoni qalet li wara li avviċinawh u avżawh li se jibdew proċeduri kontrih b’ċitazzjoni u mhux b’arrest, iż-żagħżugħ infexx jisraq bl-addoċċ. Qalu wkoll li l-akkużat għadu jgħix taħt l-istess saqaf ta’ wħud mill-vittmi u jkun aħjar jekk jilħqu jixhdu biex ma jkunx hemm kontaminazzjoni tal-provi.

Saħqu li r-reati kollha saru minħabba l-vizzju qawwi tad-droga u għalkemm qalilhom li kien se jibda programm, iżda huma mhumiex konvinti minn dan.

L-avukat difensur qal li l-programm se jibdih fit-12 ta’ April. Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tar-reati, il-biża’ ta’ ntralċ tal-provi u l-biża’ li jagħmel reat ieħor jekk jingħata l-libertà proviżorja.