Coronavirus Internazzjonali

Professjonisti Brittaniċi jappellaw biex in-nies jibqgħu jieħdu t-tilqima

Aktar minn 18-il miljun persuna ħadu l-vaċċin tal- AstraZeneca fir-Renju Unit li minnhom, 30 persuna biss kellhom żvilupp ta’ trombożi. Din l-informazzjoni ħarġet mir-Regolatur Brittaniku għall-Medicini fejn ġie konfermat li minn dawn it-30 persuna, kienu 7 li mietu.

Ir-Regolatur insista li m’hemm l-ebda konferma jew forma ta’ evidenza s’issa li dawn il-persuni kellhom żvilupp tat-trombożi minħabba l-vaċċin tal-AstraZeneca. Fil-fatt, it-tabiba June Raine qalet li hemm wisq aktar benefiċċji meta wieħed jieħu t-tilqima tal-AstraZeneca, għax din qed tipproteġik minn virus qattiel. Hi ħeġġet lill-pubbliku jibqa’ jirrispondi għas-sejħa tal-Gvern Ingliż, u jieħu l-vaċċin.

L-awtoritajiet Brittaniċi min-naħa tagħhom se jissoktaw xorta waħda bl-investigazzjonijiet biex jaraw jekk hemmx riskji bit-tilqima tal-AstraZeneca.

Fi żviluppi oħra madwar l-Ewropa, fi Spanja l-curfew se jibqa’ fis-seħħ sad-9 ta’ April, bin-nies ma jistgħux jivjaġġaw lejn provinċji oħra. Il-massimu ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu barra huwa dak ta’ 6.

Fl-Italja, żdiedu r-restrizzjonijiet sat-Tnejn li ġej. Il-Veneto, il-Marche u Trento daħħlu f’lockdown ta’ tliet ijiem. L-awtoritajiet ħabbru dan il-lockdown biex in-nies ma jinġabrux flimkien għall-festa tal-Għid il-Kbir.