Kultura Lokali

20 sena ta’ Marċi u Bandalori

Il-programm popolari Marċi u Bandalori, li jixxandar fuq NET FM (qabel Radio 101) u li hu ppreżentat minn Joe Chetcuti, illum qed jagħlaq 20 sena mill-ewwel edizzjoni tiegħu kull nhar ta’ Ħadd mingħajr l-ebda interruzzjoni.

F’messaġġ lis-semmiegħa waqt l-edizzjoni ta’ dalgħodu, Chetcuti rringrazzja lis-semmiegħa, li baqgħu jsegwuh regolarment u jagħtuh l-appoġġ tagħhom, partikolarment id-dilettanti tal-marċi ppreżentati mill-baned Maltin u Għawdxin. Hu sellem ukoll lil dawk li jipparteċipaw fil-baned, speċjalment matul l-istaġun tal-festi, fix-xhur tas-Sajf.

Joe Chetcuti qal li hu ta’ pjaċir kbir għalih li Marċi u Bandalori jferraħ lil diversi anzjani u morda, partikolarment f’dan iż-żmien li ma jistgħux joħorġu minn darhom, mir-residenzi għall-anzjani jew mill-isptarijiet, kif ukoll lil dawk li jgħixu weħidhom.

Ta’ kull nhar ta’ Ħadd, dan il-programm jinkludi diversi tipi ta’ marċi, fosthom dawk sagri u innijiet popolari, kif ukoll funebri bi tħejjija għall-Ġimgħa Mqaddsa. Jindaqqu marċi militari, l-aktar dawk li jindaqqu mill-Banda tal-Pulizija, tal-Forzi Armati jew oħrajn.

Joe Chetcuti rringrazzja wkoll l-għajnuna li dejjem isib mis-Surmasti u l-membri tal-Kumitati tas-Soċjetajiet Mużikali. Spjega li hu jifhem sew il-ħidma ta’ dawn, partikolarment għax hu nnifsu membru, President Onorarju u Membru Onorarju. Hu fakkar ukoll fir-reazzjonijiet pożittivi li jkollu ta’ kull sena bil-ħruġ tal-kalendarju, maħsub speċifikament biex iżomm kuntatt kemm jista’ jkun mas-semmiegħa, iżda anke b’ringrazzjament lill-isponsors tal-programm.

Ringrazzjament ieħor imur għal dawk li jsegwu l-programm mill-Paġna tiegħu fuq Facebook, anke għall-messaġġi ta’ apprezzament u ta’ suġġeriment li jibgħatu. Qal li dawn ikomplu jimlewh bil-kuraġġ u jħeġġuh ikompli jtejjeb il-produzzjoni.

Joe Chetcuti rringrazzja personalment ukoll lit-tekniċi ta’ NET FM, fosthom John Bruno, liċ-Chief Operations Officer ta’ NET Media Karl Gouder u lill-Kap tal-Programmi ta’ NET Media Josef Fitzpatrick. Ringrazzjament ukoll lil martu Phyllis u binthom Pauline Marie … ilkoll għall-appoġġ kontinwu li jsib mingħandhom.