Għexieren ta’ ċief inqabdu fis-snanar u x-xbiek tas-sajd qrib il-gżejjer ta’ Kemmuna, fiż-żona magħrufa bħala l-Ponta ta’ Kemmuna, wara li xi sajjieda ħallew il-konz bis-snanar.
F’filmati li ttellgħu minn persuni li kienu fil-viċinanzi, jidher numru ta’ persuni fuq id-dgħajjes jaqilgħu ċ-ċief minn mas-snanar. Sfortunatament, għal ħafna minnhom ma kienx possibbli li tinqalalhom is-sunnara mingħajr ma ssirilhom iktar ħsara u għalhekk inħelsu iżda bis-sunnara fl-intern tagħhom.
Net News jinsab infurmat li kien grupp ta’ sajjieda li ntebħu b’dan l-isfreġju ambjentali u kkuntatjaw lill-Pulizija u Birdife Malta għall-għajnuna. Fuq il-post kien hemm grupp ta’ ħbieb kaċċaturi mill-Imtaħleb li użaw l-għodda li kellhom magħhom biex jeħilsu lil dawn l-għasafar.
It-tim seabird ta’ Birdlife Malta u l-Pulizija marru fuq il-post biex jagħtu l-għajnuna tagħhom, b’dawk iċ-ċief feriti ttieħdu għand membri ta’ Birdlife Malta biex jingħataw il-kura meħtieġa.
Bħalissa ċ-ċief ikollhom il-bejtiet tagħhom fl-irdumijiet tal-gżejjer Maltin, bil-konsegwenza li sfreġju ambjentali bħal dan ikollu konsegwenzi serji u ħafna ikbar minħabba li l-frieħ tagħhom jistgħu jintilfu wkoll.
Ritratt: Birdlife Malta
//= $special ?>
