Coronavirus Lokali

COVID-19: Imut raġel ieħor; 34 każ ġdid

Fl-aħħar sigħat tilef ħajtu raġel ieħor ta’ 72 sena waqt li kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei kawża tal-COVID-19. Dan hu t-398 vittma ta’ dan il-virus.

Ġie mħabbar ukoll li nstabu 34 każ ġdid wara li saru 2,162 swab tests. Dan ifisser li din kienet l-ewwel darba f’sitt xhur li ġew irreġistrati inqas minn 40 każ posittiv f’24 siegħa.

Tħabbar ukoll li fiequ 117 persuna oħra biex b’hekk il-każi attivi huma ta’ 549.

It-total ta’ każi mill-bidu tal-pandemija s’issa hu ta’ 29,223. Sa l-bieraħ, ingħataw 212,466 dożi, b’58,004 dożi minnhom kienu t-tieni doża.

Hekk kif pajjiżna qed jara li n-numri ta’ każi ġodda qed jonqsu, l-appell jibqa’ biex wieħed jżomm mar-restrizzjonijiet imposti mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubbika filwaqt li jibqgħu jintlibsu l-maskri, jintuża s-sanitizer u tinżamm id-distanza soċjali.