Lokali

Il-Pulizija tarresta raġel b’rabta mas-serqa f’Wied il-Għajn

Ritratt: Martin Agius

Il-Pulizija rnexxiela tarresta raġel b’rabta ma serqa li twettqet tul il-jum tal-Ġimgħa f’Wied il-Għajn.

Dan hekk wara li l-investigazzjoni b’rabta mal-każ issoktat, uffiċjali tad-Distrett ta’ Marsaskala flimkien ma’ ta’ Bormla ċċirkondaw appartament f’Wied il-Għajn fejn arrestaw lis-suspettat u sussegwentament, fir-residenza fejn jgħix nstabu oġġetti relatati mas-serqa wara tfittxija li saret mill-investigaturi.

Filwaqt li r-raġel li l-identità tiegħu ma ġietx żvelata mill-Pulizija qed jinżamm fil-lockup fid-Depot tal-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin, dan kollu seħħ wara hold up li twettqet tul il-jum tal-Ġimgħa f’ħanut fi Triq San Luqa f’Marsaskala.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-allegat suspettat hedded kaxxier ta’ 70 sena minn Ħal Tarxien b’sikkina, b’dan tal-aħħar iġarrab ġrieħi gravi wara li rreżista lill-agressur li sussegwentament ħarab mill-post bil-flus.