Futbol Sport

L-FA timmira li Wembley Stadium ikun mimli għall-finali tal-Euro 2020

L-FA qed timmira li Wembley Stadium ikun miftuħ kompletament għall-pubbliku għall-finalissima tal-Euro 2020, finali li se ssir f’Lulju li ġej. Wara l-Olimpijadi, il-Euro 2020 kien l-iktar avveniment sportiv importanti li kien trasferit għal din is-sena.

Iżda minkejja dan meta ninsabu ftit ġimgħat qabel il-bidu tal-fażi finali tal-Euro, għad hemm inċertezza dwar kemm il-logħbiet se jkunu miftuħa għall-pubbliku. Intant fl-Ingilterra ir-restrizzjonijiet dwar attivitajiet tal-massa mistennija li jitneħħew xi ftit f’Mejju li ġej.

L-FA mistennija li tuża xi logħbiet bi prova fejn ċerti logħbiet mistennija li jkollhom attendenza ridotta. Fost dawn hemm is-semifinali u l-finali tal-FA Cup f’Wembley Stadium. Erbat elef partitarju mistyennija li jitħallew jidħlu għall-ewwel semifinali bejn Leicester u Southampton fit-18 ta’ April.

Dan l-ammont se jiżdied għal tmint elef partitarju ġimgħa wara għat-tieni semifinali bejn Tottenham u Manchester City, b’dan in-numru jitla’ għal 21 elf għall-finali fuil-15 ta’ Mejju. Hi x-xewqa tal-FA li dawn l-esperimenti jkunu l-ewwel pass biex Wembley Stadium ikun jista’ jimtela kollu għall-finali tal-Euro 2020, finali li se ssir fil-11 ta’ Lulju.

Wembley Stadium se jospita seba’ logħbiet mill-Euro 2020, fosthom iż-żewġ semifinali u l-finali.