Għawdex Lokali Saħħa

Rapporti jindikaw li pazjent Għawdxi tħalla f’Għawdex jilgħab għal ħajtu

Fil-jiem li għaddew l-Isptar Steward f’Għawdex reġa’ nqabad mingħajr is-servizz ta’ ħelikopter biex iwassal pazjent Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei hekk kif dan il-pazjent kien f’qagħda kritika.

Sorsi infurmati żvelaw ma’ il-mument li dan l-inċident serju seħħ ftit tal-jiem ilu meta ntalbet l-assistenza tal-ħelikopter biex pazjent Għawdxi, li inċidentalment iservi f’kariga għolja fl-Isptar Steward stess, kellu bżonn ta’ servizz immedjat u urġenti bil-ħelikopter lejn l-Isptar Mater Dei, iżda t-tweġiba kienet li f’dak il-ħin partikulari ma kien hemm l-ebda servizz ta’ ħelikopter fis-seħħ.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li din it-tweġiba ħolqot ċertu paniku għaliex min-naħa tas-sala fl-Isptar Steward kollox kien lest biex dan il-pazjent ikun trasferit lejn Malta minħabba l-qagħda gravi li
kien fiha.

Din ma kinitx l-ewwel okkażjoni li l-Isptar Steward inqabad mingħajr is-servizz ta’ ħelikopter biex iwassal pazjenti minn Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei. Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument qalulna li meta dakinhar ta’ dan l-inċident saret it-talba għall-ħelikopter il-probabbiltà l-kbira kienet li dan ma kienx disponibbli f’dak il-ħin minħabba li kienu qed isiru xi manutenzjonijiet.

Dan l-inċident partikulari jfakkarna f’inċident f’Awwissu tal-2018 meta minħabba li s-servizz tal-ħelikopter bejn l-Isptar Steward u l-Isptar Mater Dei kien wieqaf, pazjent spiċċa tilef ħajtu fl-Isptar Steward. Eventwalment, fl-2018 ukoll u ftit tax-xhur biss wara dak l-inċident serju, il-ħelikopter-ambulanza fl-Isptar Steward kien mill-ġdid wieqaf meta għal darba oħra ntalab biex iġorr pazjent ieħor lejn Malta għaliex ukoll kien f’qagħda gravi.

Ta’ min ifakkar li meta kien inawgurat dan is-servizz mill-Isptar Steward, il-Grupp Steward kien qal li kien se jibda jirċievi mal-miljun ewro fis-sena biex ikun jista’ jipprovdi dan is-servizz ta’ emerġenza fl-ajru. Saħansitra l-Gvern u l-kumpanija Steward kienu marbuta b’kuntratt formali dwar dan u li oriġinarjament kien iffirmat bejn il-Gvern u Vitals HealthCare. Dwar dan il-każ serju, il-mument talab ir-reazzjonijiet ta’ Chris Said, ix-Shadow Minister għal Għawdex, li fisser li dan hu każ ieħor li juri li ċerti nies tassew li ma jitgħallmu qatt.

Hu kkonferma magħna wkoll din l-informazzjoni u żied li l-fatt li l-ħelikopter tal-Isptar Steward ma kienx disponibbli sar magħruf biss hekk kif saret it-talba b’urġenza għal dan is-servizz. Hu fakkar li suppost li Steward għandhom żewġ ħelikopters għal-lest biex jekk jinqalgħu każijiet ta’ emerġenza, allura jkunu jistgħu jittrasferixxu pazjenti immedjatament lejn Malta. “Wara kollox hekk kienu qalulna.”

Hu żied li għal dan is-servizz Steward qed jingħataw mill-Gvern mal-€1.2 miljun fis-sena mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. “U issa jinqala’ każ urġenti ta’ pazjent u jispiċċa ma jkunx ipprovdut dan is-servizz tant importanti u l-pazjent jitħalla f’Għawdex b’perikolu kbir. “Fil-fatt il-pazjent kellu jittieħed xorta waħda b’urġenza lejn Malta… iżda permezz ta’ ambulanza u dan meta kull minuta kienet tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ dan il-pazjent!”