Internazzjonali

Covid-19: It-turiżmu għadu fl-ajru anki jekk xi pajjiżi qed jittamaw fi ‘spinta Sajfija’

In-nies madwar l-Ewropa huma ħerqanin li jsiru jafu jekk se jkunx possibbli biex huma jieħdu l-vaganzi tas-sajf barra pajjiżhom. Dan meta numru ta’ pajjiżi, għalissa, qed jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar lejn pajjiżi oħra u meta kulmin jirritorna pajjiżu mis-safar irid bilfors jgħix fi kwarantina għal perjodu ta’ żmien stipulat.

Il-Greċja, Spanja u l-Portugall huma fost il-pajjiżi li jiddependu ħafna mit-turiżmu u qed jippjanaw biex jippermettu l-barranin li jkunu ngħataw it-tilqima kontra l-Covid-19 inkella li jkunu testjaw negattiv għall-virus ftit qabel isiefru.

Iżda waqt li April is-soltu jagħti bidu għall-istaġun turistiku — is-sitwazzjoni għadha inċerta, fost l-ispinta tal-infezzjonijiet bil-coronavirus fl-Ewropa.

Għalkemm il-Greċja tinsab lesta biex tiftaħ għat-turisti min-nofs Mejju, għalissa għad mhux ċar kemm il-pajjiż se jkun lest biex jippermetti l-ivvjaġġar.

U minkejja li l-infezzjonjiet qed jonqsu fir-Renju Unit, pajjiżi bħal Franza, l-Italja u l-Ġermanja għadhom jinsistu bil-miżuri drastiċi għall-kontroll tal-virus.

Il-Greċja wkoll hi fost il-pajjiżi li għadhom qed jimponu l-miżuri stretti u r-residenti qedi siru dejjem aktar frustrati dwar is-sitwazzjoni. Ir-ristoranti, il-bars u l-ħwienet tat-turisti f’Ateni huma magħluqin u l-pajjiż kollu qed isofri peress li t-turiżmu jagħmel tajjeb għal xi 20 fil-mija tal-ekonomija nazzjonali

Il-Greċja qed taħseb biex, sas-sajf, tlaqqam lill-ħaddiema kollha fis-settur turistiku. Dan fost sejħiet għal dokumenti li jikkonfermaw li persuna tkun tlaqqmet u għal passaporti li jippermettu lill-barranin biex jivvjaġġaw.

Il-Kanċillier tal-Awstrija, Sebastian Kurz, hu favur din il-miżura u qed jgħid li n-nies kollha li tlaqqmu għandhom ikunu ħielsa biex jivvjaġġaw – l-istess bħall-persuni li joħroġilhom test negattiv u persuni li jkunu fiequ mil-corona u li jkollhom perjodu stabbilit ta’ immunità.

Fi żviluppi oħra, kull ċittadin fl-Ingilterra, min-nhar il-Ġimgħa, se jibda jkollu aċċess għal żewġ rapid tests għall-coronavirus f’ġimgħa. Dan meta l-Prim Ministru Boris Johnson. kien mistenni li jikkonferma l-fażi li jmiss tat-tnaqqis tal-lockdown fl-Ingilterra.

Johnson kien anki mistenni jikonferma li l-pajjiżi, ‘il quddiem, se jkunu suġġetti għal sistema ta’ grading – jew kategorizzazzjoni – ladarba n-nies ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jivvjaġġaw bi skop ta’ divertiment.

Sadanittant, l-Indja reġistrat l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus  — 103,558 — għal jum wieħed.

U fl-aħħar sigħat, il-Portugall bdiet it-tieni fażi tat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet – b’din il-fażi qed tippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-mużewijiet, il-kafeteriji fil-miftuħ u numru ta’ skejjel.