Internazzjonali

Ġordan: Il-Prinċep Hamza beħsiebu jikkomunika mad-dinja bi sfida għall-Gvern

Il-Prinċep Hamzah bin Hussein, li qed ikun akkużat dwar sehem f’kumplott ta’ stat, għamilha ċara li ‘se jisfida d-direttivi tal-Gvern’ biex hu ma jikkomunikax aktar ma’ barra u biex jibqa’ magħluq id-dar taħt sitwazzjoni ta’ arrest.

Hamzah, it-tifel tal-eks Re Hussein tal-Ġordan, kien bagħat il-filmati lill-BBC tal-Ingilterra biex jiżvela din is-sitwazzjoni u meta t-Tmexxija tal-Ġordan qed takkużah dwar ‘konfoffa ma’ xi entitajiet barranin’ biex jiddistabbilizza pajjiżu.

Intant, il-Prinċep – li darba kien eredi għat-tron – ċaħad li kien qed jaħdem kontra pajjiżu iżda insista bl-akkużi dwar ‘korruzzjoni u inkompetenza’ fil-konfront tal-mexxejja tal-Ġordan.

Il-każ tal-Prinċep qajjem tħassib kbir fil-kapitali,Amman, waqt li qed ikun segwit bir-reqqa mill-Istati alleati tal-Ġordan, fosthom l-Eġittu u l-Istati Uniti.

Intant, l-Oppożizzjoni fil-Ġordan ħarġet rekording li fih il-Prinċep Hamzah jinsisti li mhux se jobdi l-ordnijiet tal-awtoritajiet. Hamzah, intant, qal ukoll ‘li mhux beħsiebu jeskala l-affarijiet’ f’din is-sitwazzjoni ta’ tensjoni akuta.

Il-Prinċep jiġi ħu r-Re Abdullah tal-Ġordan minn omm differenti – u d-diżgwid ta’ bejniethom qed jitqies bħala xi ħaġa ‘mingħajr preċedent’ .