Lokali

Ġuvni arrestat b’rabta ma’ serqa f’Ħal Tarxien

Ritratt: Matthew Tabone

Ġuvni ta’ 20 sena ġie arrestat mill-Pulizija ta’ Raħal Ġdid b’rabta ma’ serqa li seħħet fit- 23 ta’ Marzu tas-sena kurrenti, minn ħanut fi Triq Ħal Tarxien, Ħal Tarxien.

Kienu 8.45am, xħin il-Pulizija ġiet infurmata bis-serqa u marru immedjatament fuq il-post. Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li nsterqu ammont ta’ oġġetti li jammontaw għall-eluf ta’ ewro.

Minn aktar stħarriġ li sar l-allegat ħalliel ġie identifikat u bdiet tfittxija għalih. Huwa ġie arrestat fir-residenza tiegħu u minn tfittxija li saret instabu l-oġġetti li kienu rrapurtati nieqsa.

Illum, il-ġuvni tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit, fejn wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ingħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet sakemm tingħata is-sentenza.