L-MUT qed issegwi l-iżviluppi dwar il-miżuri li hemm fis-seħħ u l-informazzjoni dwar ir-rilaxx ta’ miżuri. Il-union sostniet, u qalet li se tibqa’ ssostni, li “tirrispetta d-deċiżjonijiet dwar il-miżuri sabiex titrażżan il-pandemija hekk kif ikunu meħuda mill-esperti fl-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.”
Il-union qed tinnota li qed tissemma sekwenza ta’ rilaxx, u diġà esprimiet il-fehmiet tagħha dalgħodu f’laqgħa mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa pubblika.
L-MUT qalu li “ir-rilaxx tal-miżuri, bl-iskejjel ikunu l-ewwel li jiftħu b’mod fiżiku, mhux ser isib il-qbil tal-MUT. Meta sal-lum aktar minn żewġ persuni li ma jgħixux fl-istess dar ma jistgħux ikunu fuq barra flimkien, fi ftit jiem bir-rilaxx tal-miżuri jista’ jkollna ħamsa u għoxrin student u l-edukaturi tagħhom flimkien għal sitt sigħat.”
L-MUT fakkret li l-iskejjel ingħalqu meta l-varjant kien qed iwassal għal maġġoranza ta’ każi pożittivi u kemm l-iskejjel, l-edukaturi u l-familji kienu għarkuptejhom bil-każijiet, li wasslu għal mijiet ta’ studenti u familji fi kwarantina. “Dan għandu jkun evitat għax kien ta’ detrimet għal kulħadd, inkluż għall-edukazzjoni li ma setetx tingħata f’tali ċirkustanzi. Għal żmien smajna li t-teħid tal-virus fit-tfal huwa minimu ikkumparat mal-adulti. Dan issa m’għadux jingħad. L-istess għall-iskejjel miftuħin, li jwasslu għal tnaqqis ta’ każijiet pożittivi. Dan ukoll ma għadux jingħad.”
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-MUT titlob li l-pjan tar-rilaxx tal-miżuri jkun wieħed għaqli u li ma jpoġġix lill-edukaturi, l-istudenti u l-familji fis-sitwazzjoni li kienu ftit tal-ġimgħat ilu. L-MUT, għaldaqstant, issostni li r-rilaxx m’għandux jibda bil-ftuħ fiżiku tal-iskejjel.
//= $special ?>