Lokali

“Il-Gvern għandu jisma’ l-appell tal-għaqdiet volontarji” – PN

Reazzjoni dwar regolamenti magħmula mill-Gvern għall-għaqdiet volontarji

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-istqarrija li ħareġ il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat aktar kmieni llum dwar regolamenti magħmula mill-Gvern Laburista f’pajjiżna għall-għaqdiet volontarji fejn jidħol il-ġbir ta’ flus mill-pubbliku u ħwienet li minnhom isir bejgħ biex jinġabru flus għall-karita’.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar saħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġa’ ltaqa’ mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat flimkien ma’ numru ta’ għaqdiet volontarji u sema’ l-preokkupazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward. B’dawn ir-regolamenti, il-Gvern ċertament mhux qed jgħin lill-għaqdiet iżda qed jixħet fuqhom piż li fi kliem ħafna minnhom stess, se jfisser daqqa kważi kważi tista’ tgħid tal-mewt.

Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li mhux kontra r-regolamentazzjoni tas-settur tal-volontarjat. Ħaġa bħal din kien introduċiha Gvern Nazzjonalista fl-2007 u dan biex naraw li s-settur jaħdem tajjeb, ma jkunx abbużat u jkun hemm trasparenza fl-infiq ta’ fondi li l-għaqdiet jiġbru jew jirċievu. Madanakollu, Gvern Laburista qabeż kull limitu u dan biss tort tiegħu. L-istejjer ta’ korruzzjoni u abbuż li huwa implikat fihom l-istess Gvern, wasslu lil pajjiżna taħt il-mannara tal-hekk imsejjaħ test tal-Moneyval. Minħabba dan, il-Gvern irid jgħabbi lill-għaqdiet volontarji tagħna b’ruxmata regolamenti, fosthom dawk li dwarhom tkellem il-Kunsill illum. Agħar minn hekk jidher li dawn ir-regolamenti ddaħħlu bla konsultazzjoni ta’ xejn mas-settur tal-volontarjat, meta dan il-Gvern, fi kliemu stess, suppost hu wieħed li jisma’.

Bil-piż li qed jixħet fuq l-għaqdiet volontarji, l-Gvern se jwassal biss biex flok japprezza, jġerrex lil dawk il-ħafna voluntieri li jaħdmu b’passjoni u dedikazzjoni. Dan se jfisser riskju qawwi li nitilfu l-festi, eventi mużikali, attivitajiet sportivi, ħidma ambjentali, servizz soċjali lill-persuni li għandhom bżonn u tant attivitajiet oħrajn li jagħmlu l-għaqdiet.

Għalhekk l-appell tal-Partit Nazzjonalista lill-Gvern huwa biex jerġa jaħsibha, jisma’ l-karba tal-għaqdiet u immedjatament jidħol f’diskussjoni magħhom, biex fejn meħtieġ issir reviżjoni tar-regolamenti li qed jintroduċi, ħalli jara li dawn l-għaqdiet jiġu ta’ bilħaqq mgħejjuna u
mhux imxekkla kif qed jiġri fil-preżent. Sakemm dan l-appell jintlaqa’, l-Partit Nazzjonalista żgur li mhux se jħalli l-għaqdiet volontarji waħedhom u se jibqa jaqbeż għall-interessi tagħhhom għax jemmen fl-irwol li għandhom fis-soċjeta’ u l-importanza li dan jiġi mħares.