Sport Sport Ieħor

Il-projbizzjoni preżenti fuq l-isport lokali tħalli l-futur immedjat tar-Regatta f’inċertezza

(Ritratt: Martin Agius)

Jiem ta’ inċertezza għad-dilettanti tar-Regatta hekk kif għadhom mhumiex ċerti jekk l-ewwel regatta tas-sena hux se ssir jew le kawża tas-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19. Fl-aħħar jiem, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor talbet b’mod uffiċjali, direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex tal-anqas it-taħriġ ikompli mil-lum. Dan hekk kif kawża tal-miżuri preżenti, ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu ġiet posposta, b’tentattiv li ssir fl-1 ta’ Mejju.

Skont l-Avviż Legali preżenti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika mhix qed tagħti permess biex l-isport lokali jkun jista’ jiġi pprattikat qabel il-11 ta’ April. L-uniċi eżenzjonijiet li jiġu kkunsidrati huma għal dawk it-timijiet nazzjonali li jkollhom impenji minn fażijiet ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, tad-Dinja jew saħansitra Olimpiċi. Jidher li d-direzzjoni li ngħatat sa issa hu li l-atleti tar-regatta jistgħu jitħarrġu b’mod individwali jew ikunu tnejn f’dgħajsa (sa żewġ familji), skont ir-regoli ġenerali dwar l-isport li huma fis-seħħ bħalissa.

B’hekk bis-sitwazzjoni preżenti, il-qaddiefa tat-tlielaq bid-dgħajjes tal-Frejgatina, Tal-Pass b’żewġ imqadef u l-Kajjiki jistgħu jagħmlu t-taħriġ b’mod normali. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-qaddiefa tat-tlielaq tal-Midalji u Tal-Pass b’Erba’ Mqadef.

Dan wassal għal nuqqas ta’ ftehim bejn uħud mill-qaddiefa u l-klabbs li qed jilmentaw dwar il-fatt li mhux il-qaddiefa kollha qed ikollhom l-opportunità li jitħarrġu. Xi klabbs huma kontra kontra li uħud mill-qaddiefa biss jistgħu jitħarrġu filwaqt li oħrajn qed jagħżlu li jimxu skont ir-regoli limitati ta’ bħalissa. L-opinjoni ta’ uħud saħansitra hi li jew isir it-taħriġ kif suppost għal kulħadd inkella r-Regatta ma ssirx.

Ir-Regatta ssir darbtejn f’sena u d-dilettanti ta’ dan l-isport diġà kellhom jgħaddu mingħajr ir-Regatta ta’ Marzu s-sena li għaddiet. Jekk jaslu f’sitwazzjoni li jerġgħu jħassru l-ewwel regatta tas-sena, tkun detrimentali anki għall-popolarità ta’ dan l-isport. F’Settembru waqt li l-pandemija tal-Covid-19, ir-Regatta ġiet organizzata b’suċċess, bil-miżuri kollha meħuda biex ikun hemm l-anqas nies possibbli filwaqt li n-nies ma jersqux lejn il-portijiet fejn anki ntweriet b’mod dirett fuq it-televiżjoni.

Tags