Lokali Qorti

Il-Qorti mistennija tpoġġi lil Keith Schembri taħt att ta’ akkuża

Il-Qorti dalgħodu mistennija tpoġġi lil Keith Schembri taħt att ta’ akkuża wara li tkun iddikjarat li semgħet biżżejjed minn naħa tal-prosekuzzjoni li l-provi għandhom bażi soda kontra l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Qorti mistennija tiddeċiedi li l-każ jissokta u jibqa’ għaddej bl-aktar akkuża serja tkun dik ta’ ħasil ta’ flus, minbarra li qed jiffaċċa akkużi oħra fosthom korruzzjoni, tixħim u li allegatament ħa ġurament falz.

Keith Schembri u 10 persuni oħra tressqu l-Qorti nhar is-Sibt, 20 ta’ Marzu li għadda u l-Prosekuzzjoni bdiet tressaq l-ewwel provi tagħha. Keith Schembri għal darba darbtejn għamel talba il-ħelsien mill-arrest, bid-darbtejn it-talbiet tiegħu jiġu miċħuda.

Fiż-żewġ okkażjonijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, bl-aħħar waħda tkun nhar it-Tlieta li għadda, t-talbiet kienu miċħuda minħabba li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom fi stadju kruċjali ħafna u allura d-detenzjoni ta’ Keith Schembri u l-akkużati l-oħrajn hija ta’ mportanza kbira, u anke minħabba l-biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi.

Fil-fatt kienu biss l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Vincent Buhagiar, u Alfio Schembri, missier Keith Schembri li ngħataw l-ħelsien mill-arrest u dan minħabba raġunijiet ta’ saħħa, b’Buhagiar jingħata l-pleġġ fl-20 ta’ Marzu u Alfio Schembri nhar it-Tlieta fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000.

Shembri qed jiġi akkużat b’ħemel ta’ akkużi, dik li bejn l-2005 u l-2019 għamel ħasil ta’ flus billi kkonverta jew trasferixxa proprjetà meta kienu jaf jew jissuspetta li dik il-proprjetà kienet inkisbet minn xi attività kriminali.

Billi ħeba jew wera ħaġa b’oħra meta kien jaf li dik il-proprjetà nkisbet minn attività kriminali. Akkwista, ipposseda jew uża proprjetà meta kien jaf li dik setgħet inkisbet minn attività kriminali. Li ttanta jagħmel il-ħwejjeġ jew attivitajiet illegali u aġixxa bħala kompliċi fit-tifsir tal-Artikolu 42 tal-Kodiċi Kriminali.

Li f’ismu kif ukoll f’isem il-kumpanija Kasco Engineering Ltd, fl-istess perjodu, assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra bil-għan li jwettaq reat f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija. Li ħoloq jew uża xi fattura jew xi dokument jew rekord ta’ kontabbiltà li kien fih informazzjoni falza jew mhux kompleta jew naqas milli jirreġistra xi ħlas.

Li uża mezzi illegali, ismijiet jew dettalji foloz jew li gideb biex titwemmen l-eżistenza ta’ intrapriżi foloz, jew ta’ ħila, setgħa fuq ħaddieħor, jew ta’ krediti immaġinarji, jew biex iqanqal tama jew biża’ dwar xi ġrajja kimerika, għamel bi ħsara ta’ Progress Press u/jew MaltaEnterprise u/jew entitajiet oħra.

Li f’ismu u f’isem il-kumpanija Kasco Engineering Limited fl-2019 u s-snin ta’ qabel uża ismijiet foloz jew kwalifiki foloz jew b’ingann ieħor, għamel qligħ ta’ aktar minn €5,000 bi ħsara ta’ Progress Press u/jew MaltaEnterprise u/jew entitajiet oħra.

Li kkorrompa, f’ismu u f’isem il-kumpanija Kasco, lil Adrian Hillman, Vincent Buhagiar jew oħrajn fit-tmun ta’ Allied Newspapers jew Progress Press, billi ta xi rigal jew wegħda jew offerta ta’ xi rigal ta’ flus jew ta’ xi vantaġġ ieħor, li Hillman u Buhagiar ma kellhomx dritt għalih, u li barra li dawn aċċettaw il-ħlas, il-wegħda jew l-offerta, naqsu milli jagħmlu dak li kien fid-dmir tagħhom li jagħmlu.

Kif ukoll li għamel dikjarazzjoni falza jew ta tagħrif falz lill-Kummissarju tat-Taxxa, li fil-11 ta’ Settembru tal-2018 ħalef falz fil-qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Li fil-11 ta’ Settembru tal-2018 u s-snin preċedenti għamel falsifikazzjoni bħala klijent u li ffalsifika dokument pubbliku, kuntratt kummerċjali jew dokument ta’ bank privat permezz ta’ firem. Finalment li b’mod konxju uża att, kitba jew skrittura falza.