Grupp ta’ aktar minn 150 resident u bdiewa fl-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Imrieħel, permezz ta’ ittra talbu lill-Prim Ministru Robert Abela għall-intervent tiegħu fil-flyover tal-Imrieħel u s-saga tat-twessigħ tat-toroq.
Ir-residenti, mhedda minn proġett enormi ta’ flyover propost minn Infrastructure Malta, appellaw lil Robert Abela biex jintervjeni direttament fil-kwistjoni, li tipprevedi t-telf ta’ 15-il tumoli ta’ art fertili.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ħabbar pjanijiet alternattivi għall-proġett, li jipprevedu passaġġ minn taħt minflok il-flyover propost biex b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ meded kbar ta’ art agrikola. Lura f’Diċembru, il-Ministru Ian Borg kien wiegħed li se jikkunsidra proposti alternattivi.
Fl-ittra tagħhom, din il-komunità qed titlob il-kunsiderazzjoni tal-Prim Ministru għall-pjanijiet alternattivi ppreżentati mill-Kunsill, u tgħid li dawn se jsolvu l-kwistjoni tat-traffiku fil-junction tal-Imriehel.
Fl-istess ittra huma għamlu wkoll aċċenn għall-attitudni tal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi, għall-attitudni tiegħu lejhom, fejn enfasizzaw kif hu ċaħad diversi talbiet għal laqgħat, qabel ma aċċetta li jiltaqa’ ma’ xi residenti u bdiewa. Matul dawn il-laqgħat, Azzopard għamilha ċara li t-tħassib tar-residenti kienu se jiġu injorati. Barra minn hekk, huma jgħidu li Azzopardi ħa l-opportunità biex ixerred informazzjoni ħażina dwarhom fuq it-Televiżjoni tal-istat, mingħajr ma ngħataw l-opportunità li jirrispondu.
Il-firmatarji talbu lill-Prim Ministru biex jintervjeni biex jintlaħaq kompromess bejn il-proġetti ta’ Ian Borg u l-benesseri tar-residenti u l-bdiewa.
//= $special ?>