Sport

L-MFA, l-ASA u l-MBA jappellaw biex l-isport jirritorna b’kawtela

Il-Malta Football Association, l-Aquatic Sports Association of Malta u l-Malta Basketball Association, fi stqarrija konġunta appellaw lill-Gvern u lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex l-isport jirritorna b’mod gradwali u responsabbli.

Dan hekk kif nhar il-Ħadd jintemm il-legal notice fejn twaqqafet kull attività sportiva sa mill-11 ta’ Marzu sa nhar il-Ħadd. B’referenza għall-informazzjoni maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika juri, li l-isport huwa wieħed mill-anqas ‘clusters’ li kien qed iwassal għal żieda fil-każi, bl-istess figuri jibqgħu konsistenti sa qabel ma’ tħabbru r-restrizzjonijiet fl-10 ta’ Marzu.

“L-isport li ħafna minnu huwa prattikat fil-miftuħ u fuq barra, m’għandux ikompli jsofri aktar u aktar meta l-assoċjazzjonijiet involuti wrew li l-isport jista’ jkun prattikat b’mod sigur”, sostnew it-tliet assoċjazzjonijiet.

Hekk kif jidher li hemm qbil bejn dawn l-assoċjazzjonijiet li r-ritorn tal-isport għandu jkun b’mod gradwali enfasizzaw l-importanza li dan jirritorna mit-12 ta’ April hekk kif huwa kruċjali għall-atleti u timijiet li jippreparaw b’mod tajjeb għall-kompetizzjonijiet rispettivi tagħhom.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li minkejja li s-saħħa tibqa’ prijorità, l-atleti għandhom jitħallew jippratikkaw l-isport filwaqt li jiġu osservati l-miżuri kollha ta’ prekawzzjoni.

Paul Sultana li huwa President tal-MBA qal li l-isport jgħin biex is-sitwazzjoni tibqa’ tinżamm taħt kontroll, bil-President tal-MFA Bjorn Vassallo jgħid li l-futbol huwa professjoni ta’ ħafna players u membri oħra fl-istaff tekniku fejn jiddependu primarjament mill-isport għad-dħul finanzjarju taħghom. Vassallo enfasizza wkoll li aktar kemm l-isport idum wieqaf aktar se jkollu mpatt negattiv fuq il-kundizzjoni fiżika tal-players u l-atleti.

L-istess tliet assoċjazzjonijiet qalu li l-Gvern għandu jagħti prijorità lill-isport f’livell professjonali, hekk kif għandhom fil-ħin li jtemmu l-kompetizzjonijiet fil-ħin minkejja d-diffikultajiet preżenti.