Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent stqarr li wara li ftit jiem ilu stqarr li kien se jitlob lill-Uffiċċju tal-Ombudsman sabiex jinvestiga x-xogħol li qed isir illegalment u bi ħsara ambjentali f’Kemmuna mill-Ministeru għal Għawdex issa huwa kkonfermat li l-istess Uffiċċju tal-Ombudsman laqa’ t-talba u b’mod immedjat fetaħ investigazzjoni fuq il-każ.
Fl-aħħar sigħat, il-Perit Alan Saliba li hu l-Kummissarju responsabbli mill-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman bagħat notifiki lill-Awtorita’ tal-Ippjanar u lill-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi u nfurmahom li beda jinvestiga dan il-każ. F’dawn in-notifiki filwaqt li l-Kummissarju Saliba jikkonferma li din iż-żona hija “eċċezzjonalment sensittiva f’termini ta’ xenarju, pajsaġġ, ġeoloġija, ġeomorfoloġija u ekoloġoja (Natura 2000)”, stqarr li jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn ix-xogħlijiet u l-ħsara ambjentali permanenti li sar, setgħax jiġi evitat billi minflok dan is-servizz jiġi pprovdut permezz ta’ energija nadifa f’żona daqstant unika u sensittiva. Il-Perit Salib konxju mill-urġenza u s-sensittivita’ tal-każ, ta żmien ġimgħa sabiex dawn iż-żewġ awtoritajiet iwieġbu numru ta’ domandi pertinenti fuq il-każ. Dan kollu jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista u għaqdiet oħra ambjentali li fl-aħħar jiem ikkundannaw dan il-ħsara imwettqa mill-Gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex u allura fl-istess ħin ġiet imgiddba stqarrija tal-Gvern li jiem ilu ppruvat tiġġustifika dan ix-xogħol illegali u insensittiv li sar fuq Kemmuna.
Dan il-każ wera l-mod li kif irreaġġixiet l-Oppożizzjoni huwa l-mod li b’responsabbilta’ l-istess Oppożizzjoni se tkun qed tibgħat messaġġ ċar li aktar ħsara fuq l-ambjent ta’ pajjiżna mhux aċċettabbli. Dan meta l-Gvern minflok ikun hu li jħares l-ambjent ta’ pajjiżna, qed ikun hu fuq quddiemnett bħala l-protagonist f’din il-ħsara, li llum sar l-ordni tal-ġurnata f’pajjiżna.
Minbarra dan il-każ, f’Kemmuna Robert Cutajar talab ukoll lill-istess Uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga numru ta’ ħsarat ambjentali imwettqa waqt xogħlijiet f’żoni, li wkoll għandhom valur ambjentali, minn entitajiet oħrajn tal-Gvern bħalma huma Infrastruttura Malta u anke l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fost dawn ix-xogħlijiet, f’isem l-Oppożizzjoni hu talab li jiġu investigati xogħlijiet fost l-oħrajn li saru f’Ħad-Dingli, fil-Marsa, f’Ħ’Attard, fid-Dwejra Lines fil-Mosta, l-Imrieħel, Pembroke, kif ukoll xogħol ieħor viċin il-bajja tat-Torri l-Abjad fil-limiti tal-Mellieħa.
L-Oppożizzjoni bis-serjeta’ se tibqa’ timpenja ruħha biex b’dover u responsabbilta’ anke’ fil-qasam ambjentali tibqa’ tinsisti li pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar u l-poplu Malti ġustament qed jistenna li anke’ f’dan il-qasam pajjiżna jibda paġna ġdida.
//= $special ?>