Lokali Qorti

Mitluba d-data tal-mobile tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar

Id-data mill-mowbajl tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kienet mitluba mill-investigaturi tal-pulizija s-sena li għaddiet. Cutajar huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Pulizija li għaddejja dwar komunikazzjoni li kellu ma’ Edwin Brincat, assoċjat qarib ta’ Melvin Theuma, l-intermedjarju fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017.

Kif diġa’ kien żvelat, Lawrence Cutajar kien involut f’laqgħat sigrieti ma’ Edwin Brincat, u li seta’ possibilment jipperikola l-investigazzjoni dwar il-qtil.

Magħruf bħala il-Ġojja, Brincat huwa maħsub li l-ewwel ikkonvinċa lill-intermedjarju tal-qtil biex jibda jirrekordja l-konversazzjonijiet tiegħu ma’ Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat li kkummissjona l-qtil tal-ġurnalista ta’ 53 sena.

Minn dakinhar il-qorti ordnat investigazzjoni formali dwar il-kwistjoni. Meta t-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech fejn xehedu 21 persuan, l-aħħar żewġ xhieda, mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni Epic, li qabel kienet magħrufa bħala Vodafone Malta, u Melita, qalu li kienu rċevew talbiet għal dejta tal-mowbajl mingħand is-Supretendent Keith Arnaud.

It-talbiet kienu kemm għan-numri tat-telefon ċellulari personali ta’ Cutajar kif ukoll ta’ Brincat. Wara kontro-eżami mit-tim tad-difiża ta’ Fenech, iż-żewġ xhieda ġew mitluba jippreżentaw aktar informazzjoni, inkluż kemm ilhom in-numri tal-mowbajl attivi, u jekk dawn iż-żewġ persuni ta’ interess kellhomx numri oħra rreġistrati mas-servizz tagħhom.

Din l-informazzjoni ngħatat minn Charmaine Zammit minn Epic u Emily Abela minn Melita Ltd. fejn l-informazzjoni kienet ippreżentata lill-Qorti fuq pen drive.