Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs fuq passaport falz

Raġel ta’ 27 sena mill-Mali ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li nhar il-Ħadd li għadda u fil-ġranet ta’ qabel kellu fil-pusses tiegħu passaport falz maħruġ fuq isem ħaddieħor.

Keith Hamady ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Claire Strafrace Zammit li pprova jagħmel użu minn passaport u li ta tagħrif jew dikjarazzjoni falza lill-Pulizija, meta dan il-passaport kien fuq isem Coulibali Bakari.

Huwa ammetta wkoll li għamel użu ta’ ismijiet u dokumenti foloz u għamel dikjarazzjoni falza.Għall-finijiet ta’ piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati u l-ammissjoni tiegħu fi stadju bikri tal-proċeduri, u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Gerada mill-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni. Għal Hamady deheret l-Avukat Charmaine Cherrett.