Lokali Qorti

FL-AĦĦAR ĦIN: Keith Schembri jingħata l-libertà proviżorja… jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Robert Zammit u Malcolm Scerri jingħataw ukoll il-ħelsien mill-arrest

13.09: L-erba’ imputati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża. Is-seduta differita għall-11 ta’ Mejju.

13.06: Malcolm Scerri wkoll ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €60,000 u garanzija personali ta’ €90,000. Scerri ma jistax jersaq lejn l-Ajruport. Robert Zammit ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €110,000.

13.00: Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet akkużati taħt diversi kundizzjonijiet. Keith Schembri ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €60,000 u garanzija personali ta’ €90,000. Apparti dan se jkun ordnat jiffirma fil-Qawra.

12.58: Tkompli s-seduta.

11.52: Il-Maġistrat qalet li se tkun qed tagħti d-digriet fis-13.00. Għalhekk is-seduta hija sospiża sakemm il-Maġistrat tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tlett akkużati.

11.45: Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-Qorti se tieħu in kunsiderazzjoni li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

11.32: L-Avukat Edward Gatt qal li l-prosekuzzjoni qed timxi b’mod effikaċi. Huwa qal li l-biża’ tal-prosekuzzjoni qed toħloq tfixkil fil-proċess tal-ġustizzja. Saħaq li llum kellha tinstema’ xhieda sensittiva iżda nstemgħu xhieda oħra.

11.31: L-Avukat tal-AG Mercieca Rizzo qalet li tul din l-aħħar ġimgħa l-invetigazzjonijet kienu intensivi ħafna.

11.28: Għal-lum daqshekk xhieda.

11.24: L-Ispettur Omar Caruana jixhed li kien involut fit-tfittxija li saret għal Keith Schembri fil-21 ta’ Settembru li għadda f’Bormla. Tfittxija li damet biss għaxar minnu fejn minn hemm marru għall-fabbrika ta’ Kasco f’Bulebel. Dwar l-arrest ta’ Robert Zammit huwa qal li fuq mandat ta’ arrest li ħareġ nhar il-5 ta’ Marzu 2021 huwa mar biex jarresta lil Zammit il-Mosta. Ħabbat il-bieb tar-residenza u avżahom li kien taħt kwarantina obbligatorja. Elevaw il-mobile phone tiegħu.

11.20: Il-Kuntistabbli John J Cauchi kien involut fl-arrest ta’ Malcolm Scerri. Hekk kif ħabbtu l-bieb ġew infurmati li ma kienx hemm iżda kien qed jilgħab it-tennis ir-Rinella. Ftit wara wasal Scerri fir-residenza tiegħu fejn infurmawh li kien taħt arrest. Ftit wara wasal l-Ispettur u spjegali li kien taħt arrest minħabba money laundering. Scerri qallhom li jieħu xi mediċini. Cauchi qal li Scerri dejjem ikkopera.

11.15: L-Uffiċjali tal-Pulzija Abigail Caulbrey kellha struzzjonijiet biex tarresta lil Malcolm Scerri f’B’Bugia. Hija qaltlu li qed jiġi arrestat fuq money laundering. Malcolm Scerri ikkollabora mal-Pulizija. Ġew elevati laptop, mobile, dokumenti u flus li jammontaw għal 18,950 ewro.

11.13: Tkompli s-seduta.

10.36: Illum il-ġurnalista tpoġġew f’Awla separata fejn qed isegwu dak li qed jiġri f’Awla 9 minn fuq big screen. Dan sabiex ikun rispettati l-miżuri ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

10.32: Is-seduta tieqaf għal 30 minuta…. inkunu lura magħkom fil-11.00.

10.32: Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tispjega li minħabba l-fatt li x-xhieda qed jgħaġġlu u lestew qabel il-ħin stipulat, qed ikunu msejħa aktar xhieda biex jitilgħu jixhdu illum.

10.27: L-Avukati jidhru jitkellmu mal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech dwar x’se jiġri minn issa ‘l quddiem.

10.23: Colton Grech Micallef mill-FCID jiddeskrivi tfittxijiet oħra illi saru. Jirrakonta li għen spettur waqt tfittxija li saret fil-bini tat-Times of Malta f’Marzu li għadda fejn ma kienu elevati ebda dokumenti.

10.20: Is-Surġent Francesco Farrugia jkompli jagħti dettalji ta’ diversi tfittxijiet li saru fejn ġie elevat apparat elettroniku.

10.14: Uffiċjali tal-Pulizija jagħti dettalji dwar tfittxijiet li saru fl-uffiċċju tal-Grupp Kasco f’Bulebel.

10.12: Robert Zammit – f’Marzu li għadda ma setax isir l-arrest tiegħu għax kien jinsab fi kwarantina obbligatorja.

10.10: Tixhed Ritianne Ciantar li kienet preżenti għat-tfittxija fir-residenza ta’ Manuel Castagna f’San Ġwann.

10.05: Clayton Demicoli jkompli jitkellem dwar tfittxijiet li saru fir-residenza ta’ Manuel Castagna. fejn ġew elevati affarijiet li għenu fl-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin.

10.00: Jixhed il-Kuntistabbli Shaun Cutajar mill-anti money laundering response. Nhar il-21 ta’ Settembru għamlu mandat ta’ arrest u tfittixija għal Karl Cini. Fuq il-post ġew elevati apparat elettroniku kif ukoll dokumenti. L-għada marru jagħmli search fl-uffiċċji ta’ Nexia Bini…. aktar tard Karl Cini ġie reġistrat fil-lockup tal-Furjana.

9.56: F’Settembru saret tfittxija fir-residenza ta’ Karl Cini fejn ġew elevati diversi apparat elettroniku. Saret ukoll tfittxija fl-uffiċċju tiegħu f’San Ġwann. Saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ Matthew Pace fejn ġew elevati mobile phone u laptop.

9.55: Tkompli s-seduta.

9.30: L-Avukati jidhru qed ikellmu lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Is-seduta tieqaf għal ftit minuti.

9.24: Ezekial Maniscalco jispjega kif fil-21 ta’ Settembru 2020 saret search fir-residenza ta’ Keith Schembri fejn ġew elevati diversi apparat elettroniku. Dawn instabu fl-uffiċju tiegħu. Wara marru l-fabbrika tal-Kasco f’Bulebel fejn ġew elevati laptop u PC tower.

9.16: Jitla’ tixhed l-Ispettur Ellul. Jitkellem dwar meta għamel tfittxija fir-residenza ta’ Brian Tonna li damet madwar siegħa. Jixhed ukoll l-Ispettur Jurgen Scriha. Marru fir-residenza ta’ Brian Tonna biex jarrestawh u ġie arrestat f’23.15. Wara marru l-uffiċini ta’ Nexia BT fejn elevaw affarijiet oħra ta’ teknoloġija. Dan kollu sar fil-preżenza ta’ Brian Tonna.

9.15: Fl-aħħar stqarrija li tteħditlu Alfio Schembri ma ngħatax informazzjoni dwar qal il-flejjes li għadda lill-ibnu Keith Schembri.

9.09: 17 ta’ Marzu -Robert Zammit ngħata police bail.

9.05: 14 ta’ Marzu – stqarrija ta’ Robert Zammit – qal li huwa kien qed jimxi fuq l-istruzzjonijet li jagħtuh ta’ fuqu – Malcolm Scerri u Keith Schembri. Bħala kumpanija kienu jimxu fuq l-istruzzjonijiet li kienet tagħtihom il-kumpanija Nexi BT.

9.04: Il-prezz tat-tielet magna – il-prezz kien qed jidher hekk għaliex kien hemm consumables marbuta ma’ din il-magna.

9.00: Keith Schembri kkonferma li kellu kont mal-MFSP (Zenith Finance).

8.58: Keith Schembri qali li bejnu u bejn Adrian Hillman kien hemm open agreement rigward il-ħasijiet tas-servizz u li ma kien hemm invoices bejniethom

8.55: It-tieni inkjesta uriet li kien hemm numru ta’ tranżazzjonijiet li għaddew mill-MFSP – dan ħareġ mit-tieni inkesta li saret… tranżazzjonijiet li ġew deskritti bħala tixħim. Vince Buhagiar kien naqas milli jispjega r-raġuni għala kien tħallas minn Keith Schembri u x’servizzi kien ta.

8.51: Schembri qal li Brian Tonna kien amminstratur li joħodlu ħsieb kumpaniji li kellu barra minn Malta. Schembri spjega li missieru kien jagħti ċekkijiet lilu bħala donazzjoni għax kien l-unika iben. Camilleri jispejga kif Keith Schembri ngħata l-ħelsien mill-arrest f’Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra.

8.50: L-Ispettu4 Camilleri jispjega eżatt l-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija. Saru mistoqsijiet dwar l-infiq ta’ Keith Schembri. Schembri kien għadda diversi dokumenti fejn ta spjega ta’ tranżazzjonijiet li kienu saru. F’Settembru tal-2020, l-Ispettur Camilleri kien preżenti meta ġew interrogati Manuel Castagna, Karl Cini u Brian Tonna.

8.45: Tibda s-seduta. Jibda jixhed l-Ispettur Ian Camilleri.

Minn hawn u ftit tal-mumenti oħra mistennija tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u 3 akkużati oħra fosthom Alfio Schembri, missier Keith Schembri.