Lokali Qorti

“X’aktarx dik ommi, dik ommi” qal iben Daphne Caruna Galizia lil tabib li wasal ftit wara l-isplużjoni

It-tabib Michael Spiteri qal li malli wasal tim mediku fil-Bidnija karozza maħkuma totalment minn nirien. Mal-art ra anke biċċiet minn partijiet ta’ ġisem. Kien hemm raġel fuq il-post li qallu “x’aktarx dik ommi dik ommi.”

It-tabib qal li ma kienx jaf minn hu dan ir-raġel u li wara sar jaf li huwa t-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia u li anke l-vittma sar jaf min hi wara. Dak il-ħin x’ħin waslu ma kellu l-ebda idea min kienet il-persuna.

Lejn l-aħħar tas-seduta minn rappreżentanti tat-telefonija ħareġ ukoll li tliet snin wara li seħħ l-inċident il-Pulizija talbet informazzjoni dwar l-użu tal-mobajls ta’ l-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar u ta’ Edwin Brincat, magħruf bħala “Il-Ġojja”.

Minn dak li ħareġ diġa fil-Qorti Melvin Theuma kellu l-intenzjoni li jgħaddi €15,000 lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fl-offertà tiegħu biex jikseb maħfra presidenzjali, qabel l-arrest tiegħu fuq akkuża ta’ ħasil ta’ flus.

It-talba kienet saret minn Theuma nnifsu f’waħda mill-konversazzjonijiet li rreġistra bil-moħbi, u li aktar tard taha lill-pulizija wara l-arrest tiegħu f’Novembru 2019, meta dawwar l-evidenza ta’ l-Istat biex tikxef il-verità fil-qtil tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan ħareġ meta fil-Qorti komplew jinstemgħu l-provi kontra Yorgen Fenech, l-allegat wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Melvin Theuma kellu jkompli jixhed it-Tnejn filgħodu iżda se kien assenti minħabba li għadu fi kwarantina minħabba li fl-aħħar seduta nstab li huwa pożittiv għall-Covid-19.

Fl-assenza tax-xhieda ta’ Theuma xehdu xejn anqas minn 21 persuna li jinkludu Pulizija, membri tal-Forzi Armati, tobba, nfermiera u żewġ rappreżentanti tat-telefonija lokali. Il-ġurnalisti segwew is-seduta mill-awla numru 23 permezz tal-videoconferencing filwaqt li s-seduta saret f’awla numru 20 tal-Qorti.

L-ewwel xhud kien it-tabib Spiteri li qal li dakinhar kien ix-xogħol flimkien mal-kollegi tiegħu l-isptar Mater Dei. Qal li malli daħlet it-telefonata marru mill-ewwel fuq il-post u waslu hemm għall-ħabta tat-3.15pm.

Huwa qal li lit-tifel ta’ Caruana Galizia staqsieh jekk setax kien hemm xi ħadd ieħor ma’ ommu, u dan qallu li jemmen li kienet waħidha. Wara telgħet tixhed it-tabiba Daphne Gatt fejn l-Ispettur Kurt Zahra li kien qed jagħmel id-domandi jitlobha sabiex tagħti d-dettalji ta’ x’kien ġara dakinhar tal-isplużjoni.

Hija qalet li kien daħlilhom rapport li saret karozza bomba. Kif waslu mill-ewwel indunaw li ma setgħu jagħmlu xejn biex isalvaw il-persuna. “Ħriġna l-lożor sabiex ngħattu l-evidenza”, qalet ix-xhud.

Wara xehedet Luana Caruana, tabiba fid-dipartiment tal-emerġenza qalet li kif hi u l-kollegi waslu fuq il-post raw daħna kbira sewda. Qalet li raw biss laħam mal-art u kellhom il-lożor biex bdew għattu l-fdalijiet.

Wara xehdet l-infermiera Claire Zammit li qalet li hija stazzjonata fid-dipartiment tal-emerġenza f’Mater Dei. Kif waslu fuq il-post żammew id-distanza minħabba n-nirien qawwija.

Tenniet li t-tabib Michael Spiteri, wara li ċċekkja l-karozza qallhom li m’hemmx sinjali ta’ ħajja. Qalet li raw xi fdalijiet ta’ persuna mal-art fejn qalet li huwa waslu f’qasir ħin u qabilhom kien hemm biss il-Pulizija.

Wara xehed l-Assistent Kummissarju Martin Sammut li qal lidak inhar kien stazzjonat l-Għassa tal-Mosta. Kif waslu fejn ir-roundabout qabel in-niżla li tagħti għall-fuq il-wied tal-Bidnija, ra daħna kbira.

Malli waslu fuq il-post tal-inċident mill-ewwel indunaw li ma setgħu jagħmlu xejn biex jitfu n-nirien qawwija u mill-ewwel kien ta ordni sabiex jingħalaq l-aċċess għat-triq.

Ballun tan-nar

Xehed li hemm raw lil Matthew Caruana Galizia li beda jgħidilhom li kien hemm fil-karozza kienet ommu. L-ewwel reazzjoni tiegħu qal li kienet li joħroġ il-fire extinguisher mill-karozza tal-Pulizija imma l-karozza kienet ballun nar u ma kienux se jlaħħqu man-nirien. Sammut qal li hu ma kienx involut fl-investigazzjonijiet tal-każ u li r-rwol tiegħu kien li jara li tiġi ppriservata x-xena tar-reat.

Xehed wara is-Surġent Ray Zammit, stazzjonat fl-iskwadra ta’ kontra l-omiċidji. Tenna li kien l-Ispettur Kurt Zahra li nfurmah bil-każ u li qallhom biex imorru mill-ewwel fuq il-post. Kif waslu mill-ewwel raw li x-xena tiġi ppriservata.

Qal li jumejn wara l-inċident, fit-18 ta’ Ottubru tal-2017 iltaqgħu ma’ Matthew Caruana Galizia fin-Naxxar meta spjegalhom dwar il-karozza li kienet qed tuża ommu Daphne.

It-tifel qalilhom li l-karozza kienet ipparkjata fit-‘tradefair ground’ tan-Naxxar biex ommu tiltaqa’ miegħu għall-kafe. Wara ngħaqad magħhom missieru, Peter. Wara Daphne Caruana Galizia marret lura mar-raġel Peter u binhom Matthew, li kien għamel użu mill-karozza.

Is-Surġent Zammit qal li t-tifel tal-vittma qallhom li l-unika darba li ma kellux għajnejh fuq il-karozza kien meta mar l-Exiles. Wara beda jixhed dwar l-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat fejn qal li dan sar fil-preżenza tal-Europol.

Elabora li hu ma kienx involut fil-ħidma dwar l-arresti tagħhom pero kien involut fit-tiftix li sar fit-tinda tal-patata fil-Marsa u l-inħawi. Dwar l-involviment tiegħu fuq l-arrest ta’ Yorgen Fenech qal li hu kien jagħmel parti mit-task force.

L-Avukat Charles Mercieca staqsa lix-xhud dwar minn kien qabdu biex jagħmel parti mit-taskforce wara li ġie arrestat Yorgen Fenech, fejn tenna li kienu s-Supretendent Arnaud u l-Ispettur Zahra.

Wara xehed l-eks membru tal-Korp tal-Pulizija Duncan Dimech, imma tenna li fl-2017 kien għadu fil-Korp. Qal li kellu x’jaqsam ma’ l-investigazzjonijiet li minnhom ħareġ li persuna li toqogħod fl-viċinanzi tar-residenza ta Daphne Caruana Galizia, kienet innutat karozza bajda pparkjata quddiem residenza.

Preservata loqma ta’ sigarett

Dimech qal li meta marru fuq il-post biex jaraw, innutaw ċint mwaqqa’ u kien hemm post fejn jista’ jkun li kien qed jintuża minn xi ħadd li kien qed josserva. KIen hemm ukoll loqma ta’ sigarett u ttieħdu l-prekawzjonijiet sabiex dan jiġi preservat għal aktar investigazzjonijiet.

Xhud ieħor kien is-Surġent Josef Gerada li semma persuna li ġie arrestat faċċata tat-tinda tal-patata iżda kien ġie rilaxxat peress li ma’ kellux x’jaqsam mal-investigazzjonijiet.

Fuq ittfittxija fid-dar ta’ Alfred Degiorgio tenna li sabu ammont ta’ flus kontanti.  Fuq l-arrest ta’ Yorgen Fenech qal li fil-lock-up tal-Pulizija, it-tabib tiegħu Adrian Vella kien mar jinvista lil Fenech u li dan qal li jkun aħjar li jittieħed l-isptar għal xi testijiet. Tenna li meta Fenech kien l-Isptar saritlu operazzjoni minuri.

Dwar l-interrogazzjoni li ttieħdet lil Yorgen Fenech, ix-xhud sostna li kien hemm preżenti l-avukati tiegħu u li din ittieħdet ukoll permezz ta’ filmat. Qal ukoll li kien jagħmel parti mit-task force imma mhux mill-bidu.

Tenna wkoll li kien inqala’ mit-taskforce minħabba prijoritajiet oħra għax kien se jieħu promozzjoni fil-korp u għalhekk minħabba eżiġenza tas-servizz kellu jinqala’ ware erba’ xhur.

Mistoqsi mill-Avukat Mercieca staqsa dwar min kienu l-persuni li ħadem magħhom meta kien parti mit-taskforce u mingħand min kien jieħu l-istruzzjonijiet, qal li kien jaħdem ma’ żewġ persuni oħra u l-ordnijiet kien jeħodhom mingħand Arnaud u Zahra.

Wara xehed il-kuntistabbli Sandro Mamo fejn qal li dak inhar tal-inċident mar jiċċekkja xi cameras fl-inħawi tal-karozza sa fejn il-kapella u nforma dwar dan kollu lill-Ispettur Kurt Zahra.

Xhud ieħor kien Juan Mula Debono, Surġent fil-Korp tal-Pulizija, stazzjonat fil-Criminal Intelligence and Analysis Unit. Qal li kien ma’ żewġ kuntistabbli oħra u wara nformazzjoni ta’ karozza qed taqbad ħarġu minn ta’ Kandja u ftit wara fuq ir-radju ġie nfumat li kienet karozza bomba.

Kif waslu niżlu mill-karozza raw ix-xena u kien impossibbli li jersqu lejn il-karozza għax kien hemm nar qawwi wisq. Tenna li kien hemm argument ftit il-fuq fit-triq ta’ maġenb l-isplużjoni, u wara li ġie konrollat kollox ħa ħsieb li jingħalqu t-toroq.

Xehedu diversi membri mill-istess sezzjoni tal-Pulizija fosthom il-kuntistabbli Cefai u Camilleri b’dan tal-ewwel kien kellem ukoll lit-tifel tal-vittma Matthew Caruana Galizia, li qal li beda jgħidilhom biex jitfu n-nar,u li kien induna li kien hemm persuna fil-karozza.

Kien hemm xi Pulizija li ppruvaw jitfu n-nar permezz ta’ ‘fire extinguisher’ iżda kien kollu għal xejn. Matthew Garuana Galizia kellu suspett li persuna li kienet hemm qed tieħu xi ritratti u li qabadlu l-mobajl u kissirlu u kien hemm battibekk bejniethom, u li dan iżda ġie kkalmat bl-intervent tal-Pulizija.

Camilleri qal minn naħa tiegħu li kienu telqu mill-Għassa tal-Mosta u fit-triq kien hemm xi nies li qalulhom id-direzzjoni ta’ fejn hemm in-nar,. Tenna lu hu kien ċempel id-depot biex jinfurmhom li hemm bżonn l-assistenza medika. Isemmi anke kif persuna qallhom li dik kienet ommu.

Xhud ieħor kien l-kuntistabbli Russel Spiteri, li wkoll ġej mid-distrett tal-Mosta. Huwa mar ma’ żewġ Pulizija oħra u fil-Bidnija kien hemm ħafna tifrik u karozza sploduta u maħkuma min-nirien. Hu kien inkarigat mis-sewqan tal-karozza tal-Pulizija.

Wara xehed Joseph Fava, uffiċjal tal-protezzjoni ċivili u li dak iż-żmien kien stazzjonat ix-Xemxija fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Malli wasal qal kien hemm il-Pulizija u tal-ambulanza u kien kollox ikkontrollat fejn għandu x’jaqsam ma’ nirien.

Tenna li kien reġa’ mar fuq il-post tliet ijiem wara l-inċident biex iqattgħu xi siġar minħabba l-investigazzjonijiet u darb’oħra biex jaħslu l-art. Wara xehed il-kollega tiegħu Alan Cutajar li qal li kien ra fdalijiet ta’ persuna u li man-naħa l-oħra tal-inċident kienu tfew xi ħaxix fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Tenna li r-raġuni li waslu wara tal-fire-engine għax huma kienu bil-bowser li mhuwiex veloċi.

Antoine Zahra kien ix-xhud li jmiss mill-Forzi Armati ta’ Malta, li jaħdem fil-Forizza tal-Mosta (EOD). Mar fuq il-post ma’ Bumbardier bħalu u Staff Seargent. Waslu fuq il-post fit-3.20pm. Ċċekkjaw xi tip ta’ splussiv li għadu ma ħax u jew xi tip ieħor ta’ splussiv li jista’ jkun perikoluż fl-inħawi.

Kien reġa’ mar fuq il-post wara ordni mill-Brigadier Jeffrey Curmi fejn marru hemm bil-lejl ‘stand by’ u qagħdu l-bogħod aktar minn 100 metru. Kienu reġgħu marru hemm fit-18 ta’ Ottubru għax kienu ġejjin xi barranin u li hu kien ma’ wieħed Olandiż.

Qal li kienu maqsuma fi gruppi fejn kien hemm żewġ suldati u uffiċjali tal-forensika. Kienu f’linja u pinġew bil-ġibs fejn seħħet fl-inħawi tal-isplużjoni. Imxew fl-inħawi u kull ħaġa li jsibu jagħtuha lill-Olandiż, fejn kellu l-boroż u jagħżel hu xi jżomm.

Fid-19 ta’ Ottubru kienu marru fuq il-post għax beżgħu li titkaxkar l-evidenza u għalhekk għamlu xi xkejjer tar-ramel. Xehed ukoll is-Surġent Joseph Bondin il-kollega taż-żewġ xhieda ta’ qabel fil-Forzi Armati ta’ Malta, huwa kkonferma dak li qalu l-kollegi tiegħu.


Ix-xhud qal li bdew ifittxu għal xi affarijiet fosthom xi boldijiet iżda wara ġurnata ta’ tfittxija ma sabu xejn. Simon Aquilina, bumbardier (EOD) li jaħdem fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, kollega ieħor li jaħdem fil-Forizza tal-Mosta, xehed ukoll dwar dak li għamel hu u l-kollegi tiegħu li xehedu qablu.

Talba għall-informazzjoni ta’ Lawrence Cutajar u Edwin Brincat

Xehedet ukoll Charmaine Zammit minn Epic li dak iż-żmien kienet Vodafone. Qalet li kienu mitluba mis-Supretendent Keith Arnaud f’Ottubru li għadd sabiex jippreżentaw xi data lill-Pulizija, liema nformazzjoni kienet ippreżentata lill-Qorti fuq pen drive.

Qalet li wieħed minn numri li fuqhom saret it-talba mill-Pulizija hi ta’ l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Xehdet ukoll Emily Abela minn Melita Ltd. li qalet ukoll li fl-istess perjodu saret talba minn Arnaud biex jippreżentaw data dwar in-numru ta’ Edwin Brincat, “Il-Ġojja”.

Melvin Theuma mistenni jkompli jixhed nhar il-Ħamis 8 ta’ April meta huwa skedat li jkompli jinstema l-każ peress li jkunu għaddew l-14-il ġurnata ta’ kwarantina.

Theuma, l-allegat middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia għadu qed jinżamm f’iżolament wara li fil-25 ta’ Marzu li għadda kien ittestja pożittiv għall-Covid-19. Dak inhar stess waqt il-kumpilazzjoni Theuma ħassu ma jiflaħx waqt li kien qiegħed jixhed kontra Yorgen Fenech.

Is-seduta kellha tiġi sospiża b’Melvin Theuma jiddaħħal l-Isptar Mater Dei minħabba uġigħ f’ġenbu. Minn test li sarlu waqt li kien l-Isptar huwa nstab li huwa pożittiv għall-Covid-19.

Minkejja dan il-Maġistrat Rachel Montebello biex ma taħlix żmien se tkompli tisma’ l-każ fejn hija mistennija tisma’ jixhdu persuni li kienu l-ewwel fuq ix-xena ta ’emerġenza, bħal membri tal-Korp tal-Pulizija u uffiċjali oħra li kienu minn ta’ l-ewwel fuq ix-xena tar-reat.

Fenech qed jiġi mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofs inhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ppromova, kkostitwixxa, organiżża jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali. Qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda.

Li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt. Kif ukoll li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettaq delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Qed jiġi mixli wkoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Minn naħa tal-Avukat Ġenerali qegħdin jidhru d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u Nadia Attard.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia. Intant, l-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru f’isem Yorgen Fenech.