Futbol Sport

West Ham fir-raba’ post

(Ritratt: EPA)

West Ham telgħu fir-raba’ post tal-klassifika bi 52 punt meta għelbu lil Wolves barra minn darhom 3-2. JESSE LINGARD fetaħ l-iskor għal West Ham wara sitt minuti meta kkonkluda fuq azzjoni personali, biex PABLO FORNALS jirdoppja tmien minuti wara. JARROD BOWEN għamel l-iskor 3-0 fit-38 minuta wara li rċieva pass tajjeb mingħand Lingard. LEANDER DENDONCKER naqqas l-iskor għal Wolves minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras fuq cross ta’ Adama Traore. Wolves daħlu fil-partita fit-68 minuta meta FABIO SILVA għamel l-iskor 3-2 iżda minkejja l-pressjoni lejn it-tmiem naqsu milli jsalvaw punt.

Everton kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Crystal Palace f’Goodison Park. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls, Everton fetħu l-iskor fis-56 minuta meta minn pass ta’ Seamus Coleman, kien JAMES RODRIGUEZ li għamilhom 1-0, fir-ritorn tiegħu mat-Toffees wara li kien nieqes għal xi partiti minħabba injury. Crystal Palace salvaw punt fl-aħħar erba’ minuti meta minn azzjoni ta’ Jeffrey Schlupp, kien MICHY BATSHUAYI li għamilhom 1-1.

PREMIER LEAGUE

Illum: Everton v Crystal Palace 1-1, Wolves v West Ham 2-3