Lokali Qorti

Darren Debono joħroġ fuq pleġġ fuq il-każ ta’ ħasil ta’ flus

L-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol Darren Debono, li qiegħed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €200,000. Huwa ġie ordnat ukoll mill-Qorti li ma jistax isiefer u li ma jistax jersaq 10 metri viċin il-kosta. Miegħu qed jiġi mixli eks plejer ieħor tat-tim nzzjonali Malti, Jeffrey Chetcuti,

Xejn inqas minn 15-il ruħ, fosthom Darren Debono u Jeffrey Chetcuti kienu ġew arrestati mill-Pulizija f’Novembru li għadda minn diversi lokalitajiet b’rabta ma’ reati ta’ ħasil tal-flus. Kif Debono ngħata l-pleġġ, Chetcuti mar jgħannqu miegħu.

Chetcuti kien diġa ngħata l-libertà proviżorja, biż-żewġ eks-plejers internazzjonali tal-futbol jinsabu akkużati b’ħasil ta’ flus u kuntrabandu ta’ fjuwil liema akkużi huma qed jiċħdu.

Magħhom kienu tressqu l-qorti wkoll 15-il kumpanija u ġew akkużati b’reati ta’ ħasil ta’ flus bil-qorti tordna l-iffriżar tal-assi kemm tal-persuni kif ukoll tal-kumpaniji.

L-arresti kienu saru wara xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji.

Waqt din l-operazzjoni l-Pulizija kienet elevat xejn anqas minn 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.

Fil-kumpilazzjoni xehdu diversi mpjegati tal-kumpanija World Water Fisheries li għandu Debono fosthom dawk li jagħmlu xogħol klerikali u accounts.

Is-Surġent Francesco Farrugia mit-Taqsima Investigazzjonijiet Kriminali ippreżenta lill-Qorti diversi dokumenti, li jinkludu kuntratti li Debono kellu b’rabta ma’ kiri ta’ appartamenti u ma’ klabbs tal-futbol meta kien għadu jilgħab.

Il-Maġistrat Frendo Dimech widdbet lill-prosekuzzjoni minħabba nuqqas ta’ referenza u spjegazzjoni dwar dokumenti preżentati. Fost ix-xhieda kien hemm Julian Zammit minn Kitchen Concepts Limited u direttur ta’ din il-kumpanija li topera diversi restoranti.

Zammit qal li wieħed mir-restoranti li kellu kien mikri lil ċertu Jeffrey Camilleri u minkejja li ilu magħluq xi sena għadhom jirċievu l-kera mingħandu.

Xehed ukoll Pierre Schembri fejn ġie mwissi li kien taħt investigazzjoni u għalhekk jista’ jinkrimina lilu nniffus. Qal li huwa jopera kumpanija li tbiegħ il-ħut.

Din il-kumpanija, Mt Coast, topera minn barriera fil-Għargħur u hija proprjetà tiegħu biss. Qabel kien jaħdem ma’ kumpanija jisimha Coast imma ma baqgħetx topera.

Kompla li għal tmien snin kien jaħdem ma’ World Water Fisheries li jieħu ħsiebha Debono mentri Chetcuti kien l-imgħallem tiegħu. Tenna li kien ftiehem ma’ Chetcuti fuq l-‘stock’ għall-prezz ta’ €300,000 u peress li kien għadu jibda għaddilu xi ħaġa tal-flus minn qabel. Huwa qal li ma’ Chetcuti huwa d-direttur ta’ Mt Coast. Ix-xhud qal li m’għandux awditur tal-kumpanija u li mill-2019 ma sarx awditjar.

Wara xehed Ryan Pellicano, Segretarju tal-klabb tal-futbol ta’ Senglea Atheltic, u li ilu fil-kariga għal dawn l-aħħar tliet snin. Saħaq li lil Chetcuti jafu għax membru fil-kumitat mentri Debono għamel sena waħda fil-klabb imma mhux fil-kumitat.

Xehed ukoll Stephen Buttigieg, il-kaxxier tal-klabb. Hawn saret dikjarazzjoni li mhux se jittieħdu passi fil-konfront tiegħu. Qal li ilu 15-il sena f’din il-kariga u Chetcuti kien fil-kumitat bħala eks-plejer tal-futbol u jafu bħala wieħed li kienu jieħu ħsieb ħafna tal-plejers.

Buttigieg saħaq li ż-żewġ akkużati ġabu diversi plejers u kienu jħallsuhom huma. Il-ħlasijiet kienu jvarjaw minn €700 għal €2,000. Il-kowċ kien iħallsu Debono u kellu pagament ta’ €2,400 fix-xahar.

Ix-xhud kompla li t-titjiriet u l-akkomodazzjoni tal-plejers barra mill-pajjiż kienu fil-parti l-kbira tagħhom imħallsa mill-akkużati. Il-pagamenti kienu jsiru dirett lill-plejers.

Il-prosekuzzjoni staqsiet dwar pagamant ta’ €70,000 li sar minn Coast Limited. Buttigieg qal li dawn kienu pagamenti minn Awwissu sa Novembru, u li €60,000 kienu sponsorship li kienu jikkonsistu f’pagamenti.

Buttigieg qal li huma applikaw ukoll għal rifużjoni tat-taxxa ma’ Sport Malta fl-ammont ta’ €70,000. Saħaq li din it-talba ma ġietx aċċettata għax Sport Malta bdiet tarahom ħafna.

Wara, l-prosekuzzjoni qalet li m’għadhix topponi l-ħelsien mill-arrest ta’ Debono. Ġie milqugħa t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Darren Debono fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €200,000. Għal Debono deheru l-Avukati Giannella Demarco u Stephen Tonna Lowell. Il-każ se jkompli fit-18 ta’ Mejju li ġej fit-8.30am.

I