Il-miżuri dwar il-ftuħ tal-iskejjel għandhom ikunu pari passu ma’ miżuri oħrajn. Ma jagħmilx sens li l-Ħadd in-nies għandhom restrizzjoni sa massimu ta’ żewġ persuni u l-għada, ikollna 400 tifel u tifla flimkien mal-edukaturi.
Sostna dan il-President tal-MUT Marco Bonnici waqt intervista fuq il-programm Net Live. Hu qal li filwaqt li ftuħ fl-iskejjel għandu jseħħ, dan għandu jsir b’ċertu kawtela.
Marco Bonnici qal li wieħed għandu jħalli ġimgħatejn fuq żmien l-Għid sabiex jara jekk il-miżuri ta’ rilaxx hux qed jaħdmu. Barraminhekk, wieħed għandu jtaffi r-restrizzjonijiet bħala parti minn pjan sħiħ li għandu jkun komunikat lill-pubbliku biex in-nies iserrħu moħħhom.
Dwar it-tagħlim online, il-President tal-MUT qal li dan jidher li kienet esperjenza pożittiva u kien hemm feedback pożittiv kemm mill-edukaturi kif ukoll minn ġenituri u tfal.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tilqim, Marco Bonnici qal li mill-informazzjoni li għandha l-union, huma ftit mijiet dawk li s’issa għadhom ma ingħatawx l-ewwel doża.
//= $special ?>