Lokali

Għal darb’oħra żieda fil-qgħad fuq perjodu ta’ sena

Frar kien xahar ieħor li fih kienet irreġistrata żieda fl-għadd ta’ persuni mingħajr impjieg meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.

Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li wera kif fi Frar li għadda, 4.4% tal-popolazzjoni minn 15-il sena sa 74 sena m’għandhomx impjieg. Dan ifisser żieda ta’ 0.9% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.

Filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ 0.8% fost iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena qiegħda, kien hemm żieda ta’ 1% fost dawk li għandhom bejn 25 u 74 sena.

L-4.4% ta’ persuni mingħajr impjieg jitqassmu ndaqs bejn l-irġiel u n-nisa, f’tendenza ta’ qgħad li ilha għaddejja minn April li għadda – l-ewwel xahar sħiħ li fih pajjiżna kien maħkum mill-pandemija.

Fil-fatt, l-NSO qed jenfasizza li dawn iċ-ċifri għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-effetti li l-pandemija qed tħalli fuq l-ekonomija madwar id-dinja. Dan fl-istess waqt li l-Prim Ministru Robert Abela qal aktar minn darba li pajjiżna ma tilifx impjiegi kawża tas-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha bħalissa.