Futbol Sport

Gowl ta’ Phil Foden fl-aħħar minuti jagħti vantaġġ minimu lil Man City

(Ritratt: EPA)

Man City kisbu rebħa mportanti ta’ 2-1 kontra Borussia Dortmund fl-ewwel leg tal-kwarti finali tal-UEFA Champions League, biex b’hekk se jieħdu dan il-vantaġġ magħhom għal partita ta’ ritorn fil-Ġermanja. L-antiċipazzjoni għal din il-partita bdiet ferm qabel il-bidu tal-partita, bl-ispekulazzjoni li l-attakkant ta’ Dortmund Erling Haaland jista’ possibilment ikun plejer ta’ Man City l-istaġun li ġej.

Minkejja li Man City iddominaw il-pusses tal-ballun matul l-ewwel taqsima, fis-seba’ minuta waslet l-ewwel azzjoni perikoluża għal Dortmund, hekk kif l-Inlgiż Jude Bellingham qabeż tajjeb lil Kyle Walker, bix-xutt tiegħu jkun salvat tajjeb mill-gowlkiper ta’ Man City Ederson. Madanakollu, Man City marru fil-vantaġġ, fit-18-il minuta meta b’kontrattakk veloċi, Phil Foden għadda lejn Riyad Mahrez, li sab lil KEVIN DE BRUYNE li mill-viċin ikkonkluda għal ġewwa għal 1-0.

Fis-37 minuta Dormtund ħasbu li ġabu l-gowl tad-draw meta Jude Bellingham seraq il-ballun tajjeb mingħand Ederson u tefa’ ġewwa, bir-referee jħassar il-gowl għal foul fuq il-gowlkiper Brażiljan fl-azzjoni., biex l-ewwel taqsima intemmet bl-iskor ta’ 1-0. Fis-47 minuta Dortmund kienu viċin għal darb’oħra, meta Haaland rnexxielu jegħleb lil Ruben Dias, iżda l-konklużjoni tiegħu kienet salvata tajjeb minn Ederson.

Man City setgħu irdoppjaw fl-64 minuta meta minn cross ta’ Kevin De Bruyne, Phil Foden ra l-konklużjoni ċentrali tiegħu tkun salvata mill-gowlkiper ta’ Dortmund Marwin Hitz. Man City baqgħu jattakkaw u jippruvaw jiksbu t-tieni gowl b’żewġ azzjonijiet perikolużi oħra. Fil-75minuta xutt minn barra ta’ De Bruynes għadda jħakkek mal-lasta biex minuta wara konklużjoni b’saħħitha ta’ Phil Foden kienet salvata minn Marwin Hitz.

Minkejja dan Dortmund kisbu l-gowl tad-draw fit-83 minuta meta minn pass ta’ Erling Haaland kien il-captain MARCO REUS li għeleb lil Ederson biex sar l-aktar plejer li skorja gowls għal Dortmund fiċ-Champions League.

Iżda Man City rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tar-rebħa fid-89 minuta meta minn cross ta’ Kevin De Bruyne, Ikay Gundogan niżżel tajjeb lejn PHIL FODEN li mill-viċin ma żbaljax għal skor finali ta’ 2-1.

Illum: Man City v Dortmund 2-1, Real Madrid v Liverpool 3-1 Għada: Bayern Munich v PSG 9.00pm, Porto v Chelsea 9.00pm