L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera Professjonisti, l-MAPE, permezz ta’ stqarrija qed tisħaq li l-Ministru Ian Borg qed ikompli jisfida mandat ta’ inibzzjoni maħruġa mill-Qrati.
Skont l-MAPE nhar it-30 ta’ Marzu kienet l-ewwel okkażjoni li l-Assoċjazzjoni kellha ċ-ċans li tara l-abbozz il-ġdid ta’ emenda fil-liġi 321 dwar il-professjoni tal-inġinerija.
Din l-emenda tikkonferma dak li dejjem qalet l-MAPE, li l-emendi l-proposti minflok isaħħu l-istatus tal-inġinier professjonist, idgħajjfu tant li jġibu fix-xejn il-professjoni.
L-MAPE qalet li l-bidliet kożmetiċi jistgħu ikunu ta’ dannu għall-inġiniera u ta’ periklu għall-klijenti u s-soċjetà.
Bl-emendi proposti dawk li m’għandhomx il-kwalifiki neċessarji se jkunu jistgħu jidħlu jagħmlu xogħol li sal-lum setgħu jagħmluh biss inġiniera professjonisti.
L-MAPE qed targumenta li dawn l-emendi se jirriduċu ħafna l-valur tal-warrant u skont hi dawn ma kienux mitluba mill-Kummissjoni Ewropea.
L-Assoċjazzjoni saħqet li l-Ministru Ian Borg m’għandux rispett għad-digriet tal-Qorti u minflok qed jipprova jħaffef abbozz mill-Parlament minflok jistenna l-eżitu tal-Qorti dwar dan.
L-MAPE qed terġa’ tappella lil Ian Borg sabiex jirtira din il-mozzjoni għaliex mhijiex fl-interess tal-professjonisti inġiniera filwaqt li assigurat li se tkompli l-ħidma tagħha fil-Qorti Ċivili sabiex tiddefendi u tissalvagwardja l-professjoni tal-inġinerija.
//= $special ?>