Lokali

Il-bejgħ tal-passaporti għal darb’oħra taħt il-lenti

Akkużi fuq il-Gvern Malti li fetaħ tieqa għall-ispiji u barunijiet ta’ droga biex jakkwistaw passaport Ewropew.

Kienu dan id-diskors li reġa’ beda jidwi l-Ġimgħa filgħaxija fil-media internazzjonali…partikolarment fil-programm News Hour, imxandar fuq ix-Xandir tal-Istat Olandiz fejn kien qed jiġi spjegat kif il-Gvern spiċċa jbiegħ iċ-ċittadinanza biex filwaqt li l-pajjiż jagħmel il-miljuni tal-ewro, allegatament ipaxxi lil Christian Kalin – iċ-Chairman ta’ Henley and Partners magħruf ukoll bħala “The Passport King”.

Matul il-kampanja elettorali tal-2013, il-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, ma kien lissen l-ebda kelma li Gvern Laburista kien se jbiegħ il-passaport Malti…minkejja li Kalin, kif qed tghid il-media Olandiza, kien sab kenn fil-Partit Laburista biex iwettaq il-pjan tiegħu.


Matul il-programm ingħad kif sinjuruni Russi, xejikki taż-Żejt Għarab u politiċi Ċiniżi spiċċaw akkwistaw iċ-ċittadinanza Ewropea għax saru Maltin…. filwaqt li insistew li din is-sistema, fil-perjodu bikri tagħha, kien hemm waqtiet fejn is-suspetti ta’ abbuż u koruzzjoni kienu kemmxejn rampanti.

Każ partikolari fejn is-sistema falliet jew aħjar, offriet bieb minn wara għall-Ewropa lil nies suspettużi, kien fil-każ ta’ Ali Sadr. L-Olandizi jghidu illi peress li s-sid tal-bank Pilatus huwa ta’ nazzjonalità Iranjana hu qatt ma kellu d-dritt jakkwista ċittadinanza Ewropea minħabba s-sanzjonijiet li hemm fil-konfront ta’ pajjiżu.

Madanakollu, minħabba l-fatt li kien akkwista l-passaport ta’ Saint Kitts – huwa setgħa jixtri ċ-ċittadinanza Maltija… biex fetaħ bank li kien involut f’allegat koruzzjoni u ħasil ta’ flus… bank li bih kien jaħdem ukoll l-id il-leminija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri.