Fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ta x-xhieda tiegħu Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”. Din ix-xhieda ngħatat bil-magħluq wara talba minn naħa tal-Avukat Therese Comodini Cachia, li flimkien mal-avukat Jason Azzopardi qed tidher f’isem il-familja Caruana Galizia.
Il-fatt li Muscat seta’ jiżvela fatti li jistgħu jikkompromettu l-investigazzjoni tal-Pulizija rigward il-qtil wasslu biex ix-xhieda tiegħu ma’ tkunx waħda pubblika.
Fit-23 ta’ Frar li għadda Muscat ta’ 58 sena, ġie kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Cauana Galizia. Hekk kif huwa ammetta r-reati kollha konnessi ma’ dan il-każ huwa ma ngħatax il-piena massima, dik ta’ għomor il-ħabs.
l-Qorti Kriminali qalet li kien hemm tnaqqis fil-piena peress li Muscat għen lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-informazzjoni li ra kienet utli biex dan il-każ jissolva fejn ġew arrestati persuni oħra inkonnessjoni mal-każ. Sadanittant il-Qorti kienet informata li Muscat ma kienx se jappella mis-sentenza.
Is-sentenza ingħatat wara li f’termini legali sar patteġġament (ftehim) fuq il-piena. Dan peress li Muscat ta’ nformazzjoni wkoll utli mhhx biss fuq dan l-omiċidju iżda wkoll biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel fl-2015.
Wara li fil-bidu tas-seduta Muscat ammetta l-akkużi, l-Imħallef Edwina Grima għal diversi drabi kienet staqsietu jekk kienx ċert li ried jammetti u dan għaliex hemm imdendla piena ta’ għomor il-ħabs.
L-Imħallef Grima ħadet nota tal-ammissjoni ta’ Muscat u staqsitu jekk jifhimx il-gravità ta’ dak li qed jgħid. “Tixtieq li jinqarawlek l-akkużi.? Qaltlu l-Imħallef. “M’hemmx bżonn,” huwa wieġeb.
Muscat diġa’ xehed fil-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” fuq l-allegat involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop, fejn fuq dan tal-aħħar “Il-Koħħu” ingħata l-proklama.
L-għan tal-inkjesta pubblika huwa biex tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ikun evitat mill-istat. Il-Bord ta’ Inkjesta hija magħmula mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, bħala ċ-Chairperson tal-Bord u żewġ membri oħra, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.